Il-mod kif jaħdem Facebook għen biex iħeġġeġ it-tixrid tal-mibegħda u l-vjolenza matul il-gwerra ċivili tal-Etjopja – hekk qed ikun allegat f’każ legali.
Abrham Meareg, iben akkademiku Etjopjan maqtul b’tiri wara kitbiet dwaru fuq Facebook, huwa fost dawk li qed iressqu l-każ kontra Meta, il-kumpanija sid ta’ Facebook.
Dawk li qed iressqu l-każ jridu fond ta’ $2 biljun għall-vittmi ta’ mibegħda fuq Facebook, u tibdil fl-mod li bih taħdem il-pjattaforma soċjali.
Fit-3 ta’ Novembru 2021, il-Prof Meareg Amare Abrha ġie segwit id-dar mill-Università fejn kien jaħdem. Dawk isegwuħ kienu rġiel armati fuq muturi, li sparawlu mill-viċin. It-theddid tagħhom żammew lix-xhieda milli jipprovdu l-għajnuna waqt li tħalla’ mimdud mal-art, tant li miet seba’ sigħat wara.
Ibnu qal li qabel l-attakk, kitbiet fuq Facebook kienu xerrdu informazzjoni żbaljata dwaru u żvelaw informazzjoni dwar fejn jista’ jinstab. Minkejja l-ilmenti ripetuti li għamel fuq Facebook stess, il-kitbiet baqgħu hemm sakemm kien tard wisq, u tneħħew biss wara l-qtil ta’ missieru.
Il-kumpanija Meta qalet li investiet ħafna fil-moderazzjoni u t-teknoloġija biex tneħħi l-mibegħda, u li t-tixwix għall-vjolenza huma kontra r-regoli ta’ Facebook.