Il-Libjan Abu Agila Masud, li qed jiġi akkużat li għamel il-bomba fuq l-ajruplan Pan Am flight 103 u li kien għaddej minn fuq Lockerbie l-Iskozja 34 sena ilu, mhux se jkun qed jingħata l-piena kapitali.
L-akkużat qed jidher quddiem il-Qorti Amerikana u primarjament qed ikun akkużat bl-attakk li xxukja lid-dinja kollha u li kien ħalla mitejn u sebgħin peruna mejta.
L-ajruplan kien sploda tmienja u tletin minuta wara t-tluq tiegħu minn ajruport f’Londra u kien fi triqtu lejn New York.
Fl-investigazzjonijiet li saru minn uffiċjali Amerikani, Ingliżi u Ġermaniżi, ġew interrogati ħmistax-il elf persuna minn tletin pajjiż differenti u ġiet miġbura eluf ta’ evidenza.
L-awtoritajiet kienu akkużaw żewġ Libjani li mmanifatturaw il-bomba u li daħluha ġo bagalja. Il-bomba kienet itellgħet fuq ajruplan tal-Air Malta minn titjira li telqet minn Malta għal Frankfurt il-Ġermanja.
Is-CIA u l-FBI qalu li s-suspettati kienu impjegati tal-Linja tal-Ajru Libjana f’Malta u kienu wkoll parti mill-intelliġenza Libjana.
Wieħed mill-akkużati nstab ħati u ntbagħat 27 sena ħabs u nħeles wara li kellu kanċer terminali.
Fost il-vittmi kien hemm mitejn u tlieta u erbgħin passiġġier, sitt membri tal-ekwipaġġ u ħdax-il resdient li kienu fit-triq inkluż familja t’erbgħa.
Dawn kienu ċittadini ta’ 21 pajjiż differenti, inkluż mija u disgħin Amerikan u tlieta u erbgħin ċittadin Ingliż.
Dan il-każ għadu jitqies sal-lum bħala l-aktar attakk terroristiku li ħalla nies mejta fir-Renju Unit.
Ritratt: Getty Images