Illejla jkollna l-ewwel semifinali ferm mistennija bejn il-finalisti tal-aħħar edizzjoni, il-Kroazja u l-favoriti għal din is-sena, l-Arġentina.
Din se tkun l-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja għal Lionel Messi u fi kliem id-difensur Arġentin Nicolas Tagliafico, li jkollok lil Messi fis-semifinali, diġa’ huwa vantaġġ. Messi skorja erba’ darbiet u ta żewġ assists mid-disa’ gowls skorjati mill-Arġentini f’din l-edizzjoni. Fil-logħba tal-lejla, il-plejer numru 10 Arġentin jilħaq eks numru 10 leġendarju ieħor, Lothar Matthaus, b’25 logħba fit-Tazza tad-Dinja.
Min-naħa l-oħra l-Kroati jinsabu lesti biex jiktbu l-istorja u jkunu għat-tieni darba konsekuttiva fil-Finali tat-Tazza tad-Dinja. Jekk jaslu li jirbħu llejla jkunu t-tieni tim wara l-Ġermanja li jkunu eliminaw kemm lill-Brażil u kif ukoll l-Arġentina fl-istadju tan-Knockout tal-istess edizzjoni.
Għall-Arġentina Marcos Acuna u Gonzalo Montiel huma sospiżi, filwaqt li jkun ikkonfermat Tagliafico. Angel di Maria u Rodrigo de Paul huma f’kundizzjoni tajba wkoll.
Għall-Kroazja Borna Sosa u Mislav Orsic jinsabu tajbin wara li kienu ma jifilħux.
Dawn iż-żewġ timijiet, illejla fit-20:00, se jiltaqgħu fil-Lusail Stadium, għat-tielet darba. Fl-1998 kienu rebħu l-Arġentini 1-0 u fl-2018 il-Kroati kienu rebħu bl-iskor ta’ 3-0.
Ritratt: Bernadett Szabó/Reuters