“Għandna ħafna tajjeb.”
Iddikjara dan il-President tar-Repubblika George Vella fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika, li matulu tkellem dwar sfidi u oqsma li fi kliemu rridu nirranġaw biex pajjiżna jkun aħjar.
Fl-istess ħin tkellem b’mod sod dwar min iżeblaħ lil pajjiżna.
“Jekk aħna stess insawtu lilna nfusna, kif se nippretendu li jurina rispett il-barrani?”, iddikjara l-President Vella meta żied li pajjiżna mhux l-infern li xi wħud jipprovaw ipenġuh.
B’ton realistiku, imbagħad il-President Vella tkellem dwar bosta temi, fosthom il-kuntest internazzjonali ta’ bħalissa, u hawn irrefera għall-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
“Din mhix biss pożizzjoni prestiġjuża, iżda wkoll waħda li turi l-fiduċja li wrew tant pajjiżi minn madwar id-dinja meta vvutawlna biex nokkupaw din il-pożizzjoni. Din il-ħatra tgħabbina b’responsabilitajiet mhux żgħar. M’aħniex se mmexxu d-dinja, imma se nkunu wieħed mill-ħmistax-il pajjiż li fost responsabilitajiet oħra, jieħdu d-deċiżjonijiet għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fid-dinja,” qal il-President Vella.
Tkellem dwar l-effetti tat-taqlib internazzjonali, kif ukoll tal-pandemija u semma kif minkejja l-miżuri kollha li jittieħdu jibqgħu numru ta’ sfidi, inkluż il-faqar u d-diżugwaljanza.
Irrefera wkoll għas-settur tal-ambjent u l-isfidi li jġib miegħu. Appella biex l-awtoritajiet li jippjanaw l-iżvilupp u dawk regolatorji, jeżerċitaw id-dixxiplina li tagħtihom il-liġi.
Fid-diskors tiegħu rrefera wkoll għas-saħħa mentali u l-pjaga tal-bullying.
“Il-bullying f’età żgħira, speċjalment fl-iskejjel tagħna, huwa marbut ħafna ma’ żvilupp ta’ problemi psikoloġiċi u ta’ mġiba li jafu jwasslu għal kundizzjonijiet bħal anoressija, jew agħar. Imma l-bullying jeżisti taħt forom differenti anke fil-kbar, u l-konsegwenzi tiegħu jirriżultaw f’ħafna każi ta’ ħsara lis-saħħa mentali,” qal il-President tar-Repubblika.
Meta tkellem dwar il-pjaga tal-vjolenza domestika sellem il-memorja tas-Sinjura Bernice Cassar, vittma ta’ qtil li bih hemm mixli fil-qorti l-eks raġel tagħna.
Għamel ukoll appell kontra r-razziżmu u emfasizza l-bżonn tal-preżenza ta’ ċertu ħaddiema barranin fostna.
Il-President Vella żied li sħaba sewda li għadha titfa’ dell ikrah fuq pajjiżna hija s-saga biex dawk kollha li b’xi mod kienu allegatament involuti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizi jaffaċċjaw il-ġustizzja. Hawn irrefera għar-riformi li għaddejjin bħalissa biex il-midja f’pajjiżna tingħata l-opportunitajiet kollha li jagħtuha l-libertajiet wiesgħa meħtieġa, biex taqdi dmirha.
Il-President tkellem fuq riformi ġusti ma’ kulħadd.
“Daqstant ieħor iridu jkunu liġijiet li jipproteġu liċ-ċittadin minn akkużi infondati, allegazzjonijiet fortuwiti, u dikjarazzjonijiet malafamanti, li faċli jsiru u jinxterdu, imma diffiċilissimu li wieħed jitnaddaf minnhom. Irid jinstab il-bilanċ ġust, li jgħin biex titwettaq il-ġustizzja, u titħalla titħaddem id-demokrazija,” iddikjara l-President Vella.
Fid-diskors tiegħu l-President tkellem dwar riformi importanti li saru u qal li filwaqt li l-bżonn ta’ qbil ta’ żewġ terzi għal ċerti ħatriet huwa ġust, sfortunatament dan jista’ jwassal għal ċertu nuqqas ta’ qbil, u s-sistema tiġi mblukkata.
Lejn tmiem id-diskors tiegħu l-President irrefera għad-diskussjoni dwar emenda li ressaq il-Gvern għall-Kodiċi Kriminali biex iħares ħajjet u saħħet l-omm f’każ li fi tqala jinqalgħu kumplikazzjonijiet mediċi li jwasslu għall-periklu ta’ telf ta’ ħajja jew riskju ta’ impatt gravi fuq is-saħħa. Kawt fi kliemu, qal li l-proċess demokratiku għandu jitħalla jilħaq il-milja tiegħu bla ebda tfixkil u esprima t-tama li d-diskussjonijiet li għaddejjin iwasslu għal qbil.
Finalment il-President appella għall-għaqda fil-pajjiż.
“Fuq kollox nixtieq nara pajjiż fejn kull Malti jkun kburi li huwa Malti… u pajjiż fejn tirrenja s-solidarjetà kuljum u dejjem. Viva Malta Repubblika,” qal il-President.