Sbatax-il-persuna ġew onorati f’Jum ir-Repubblika, waqt iċ-Ċerimonja ta’ Investitura ta’ Ġieħ ir-Repubblika li saret fis-Sala tat-Tron, fil-Palazz il-Belt.
L-eks Ministru Alex Sciberras Trigona u l-eks Aġent President u l-eks Ministru Dolores Cristina rċivew l-ogħla unur li jista’ jagħti l-istat Malti f’għeluq it-tmienja u erbgħin sena ta’ Malta Repubblika.
Huma ngħataw il-grad ta’ Kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
Il-Professur Carmel Borg, il-Professur Michael Camilleri u Dr Salvina Zrinzo ngħataw il-grad ta’ Uffiċjal fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
F’din iċ-ċerimonja ngħataw żewġ midalji bħala Membru fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, lill-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi u l-Maestro Archibald Mizzi.
Dan filwaqt li għaxar persuni oħra ngħataw midalja għall-Qadi tar-Repubblika, fosthom l-eks membru parlamentari Robert Arrigo, li ġie onorat b’din il-midalja wara mewtu aktar kmieni din is-sena.
Id-disgħa l-oħra li rċivew din il-midalja huma Dr Anthony Abela Medici, Anna Bonanno, Saviour F Borg, il-Professur Simone Borg, Antonio P Briguglio, Dun Ġwann Caruana, l-Inġinier Karl Farrugia, Louis Fsadni u Brother Edward Galea.
Qabel din iċ-ċerimonja saret il-parata ta’ Jum ir-Repubblika, fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt.
L-ewwel li wasal kien il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, Clinton O’Neill.
Wara wasal il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia u hawnhekk indaqqu l-ewwel noti tal-Innu Malti.
Imbagħad wasal il-President ta’ Malta, George Vella flimkien ma’ martu Miriam. Hawnhekk indaqq l-innu Malti u wara ġiet spezzjonata l-gwardja tal-unur.
Wara segwiet il-parata, bis-sehem tal-banda tal-Forzi Armati, immexxija mill-Maġġur Sharon Bellizzi.
Diversi nies inġabru fi Pjazza San Ġorġ biex isegwu l-parata.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-ogħla awtoritajiet, fosthom il-President, il-Prim Ministru, membri mill-Kabinett, membri parlamentari u Presidenti Emeritus, fost oħrajn.
Hekk kif spiċċat iċ-ċerimonja, il-Prim Ministru mar jiltaqa’ man-nies preżenti.
Intant, it-Tlieta waranofsinhar, il-President George Vella poġġa kuruna tal-fjura quddiem il-monument tar-Repubblika fil-Marsa.