L-Avukat tad-Direttur tal-Ħabs, Robert Brincau, qal li l-verżjonijiet tal-istorja tal-vittmi mimlija toqob filwaqt li d-dettalji jitkellmu waħedhom.
Dr Stephen Tonna Lowell qal dan waqt l-istadju ta’ trattazzjonijiet fis-smigħ tal-każ kontra Robert Brincau fejn fih qed ikun akkużat li allegatament hedded sewwieq ta’ ambulanza tal-kumpanija privata Alpha Medical, ikkaġunalu ġrieħi ħfief u ġarr fuqu arma mingħajr liċenzja.
Wara x-xhieda ta’ Brincau, fejn fiha l-imputat fost oħrajn sostna li dakinhar li seħħ l-argument f’Awwissu li għadda huwa ma ġarx l-arma tan-nar fuqu iżda kellu biss mobile u kartiera, kien imiss it-trattazzjonijiet taż-żewġ partijiet.
Kien hawn li l-Avukat tal-imputat, Stephen Tonna Lowell, irrefera għad-dettalji importanti ta’ dan il-każ u kif dawn jikxfu manipulazzjoni mill-uffiċjali tal-Alpha Medical biex Brincau, “ipatti għal xi ħaġa.”
Wara li l-Avukat tal-Vittma Edmond Cuschieri sostna li kien hemm xhieda li sostniet taħt ġurament li rat arma fil-but ta’ wara ta’ Brincau, Dr Tonna Lowell, fost affarijiet oħra nnota li l-infermiera tal-Alpha Medical xehdet li l-arma hija skura meta fil-verità din għandha lewn tal-fidda.
L-Avukat tal-imputat staqsa wkoll kif l-istess infermiera ma ċemplitx lill-Pulizija jekk Brincau allegatament beda jxejjer arma jew inkella ma ħaditlux ritratt.
Il-kawża ġiet differita għas-sentenza għall-24 ta’ Jannar fid-9 ta’ filgħodu.