Il-ġimgħa li għaddiet kelb bl-isem ta’ Cesur tilef lil sidu u l-akbar ħabib tiegħu, fejn minkejja din l-esperjenza tant qarsa Cesur wera li l-lealtà tiegħu lejh hi waħda eterna.
Sidu, Mehmet Ilhan ta’ 79 sena, miet fl-isptar ta’ Bursa fit-Turkija.
“Cesur u missieri kellhom ħbiberija li rari tara bħalha. Meta missieri kien wasal fl-agħar jiem ta’ ħajtu l-isptar, Cesur ma bediex jiekol,” irrakkonta it-tifel ta’ Mehmet.
Cesur attenda l-funeral u filwaqt li mhux ritwal normali, hu mexxa l-purċissjoni hekk kif mexa fuq quddiem qabel it-tebut u baqa’ dieħel fil-moskea għall-funeral.
It-tifel ta’ Mehmet iddeċieda li jżomm lil kelb, iżda għal ħamest ijiem sħaħ wara l-funeral, Cesur baqa’ jżur il-qabar ta’ sidu.
“L-ewwel ħaġa li jagħmel filgħodu hu li jżur il-qabar ta’ missieri. Indunajt wara li tħassibt fejn beda jmur u ġurnata minnhom segwejtu,” qal it-tifel.