Fl-Iran twettqet it-tieni sentenza ta’ mewt marbuta mal-protesti kontra l-gvern li ħakmu l-pajjiż.
Majidreza Rahnavard kien mgħallaq quddiem il-pubbliku fil-belt ta’ Mashhad: aħbar li ħarġet mill-ġudikatura stess, wara li l-Qorti sabitu ħati li kien “għadu kontra Alla”.
Rahnavard instab ħati li qatel b’sikkina żewġ membri tal-Forza ta’ Reżistenza para-militari. Iżda gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem wissew li d-dimostranti qed jiġu kkundannati għall-mewt b’mod inġust.
“Rahnavard kien ikkundannat għall-mewt abbażi ta’ ammissjonijiet sfurzati, wara proċess inġust ħafna, li serva bħala spettaklu. Dan id-delitt għandu jiġi milqugħ b’konsegwenzi serji għar-Repubblika Iżlamika,” kiteb fuq Twitter Mahmood Amiry-Moghaddam, direttur tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Iran ibbażat fin-Norveġja.
Żied iwissi li “Eluf ta’ dimostranti jinsabu miżmuma, u ħarġu sentenzi ta’ mewt għal mill-inqas tużżana oħra. Hemm riskju serju ta’ qtil tal-massa ta’ dimostranti.”
L-ewwel sentenza ta’ mewt wasslet għal kundanna internazzjonali. Mohsen Shekari ta’ 23 sena nstab ħati li kien “għadu kontra Alla” wara li nstab li attakka membru tal-Basij b’machete fil-kapitali, Tehran.
Il-Basij hija forza volontarja lealista, spiss mibgħuta mill-awtoritajiet Iranjani biex irażżnu protesti.
Dawn il-protesti mmexxija min-nisa kontra l-forza klerikali tal-Iran tqanqlu mill-mewt ta’ Mahsa Amini f’Settembru: mara ta’ 22 sena li kienet fil-kustodja tal-“Pulizija tal-Moralità” talli allegatament libset il-hijab b’mod li mhux suppost libsitha.