Malta għandha t-tielet l-inqas problemi tal-ħajja mill-bidu tal-kriżi tal-enerġija minn fost il-pajjiżi Ewropej.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Unjoni Ewropea tal-Eurofound.
F’dan l-eżerċizzju mill-fondazzjoni Ewropea ħareġ li aktar pajjiżi fil-kontinent qed iħabbtu wiċċhom ma’ ċirkostanzi ġodda ta’ inċertezza kbira bil-gwerra fl-Ukrajna, waqt li f’pajjiżna s-sitwazzjoni hija differenti.
F’Malta, l-effetti devastanti kienu kkontrollati grazzi għall-interventi tal-Gvern, biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli.
L-għajnuna tal-Gvern Malti spikkat fl-istħarriġ, u kienu biss id-Daniżi u l-Iżvediżi li rreġistraw inqas problemi mill-Maltin biex ikampaw f’dawn iċ-ċirkonstanzi diffiċli.
Min-naħa l-oħra, il-Griegi kienu l-aktar li qalu li mhux ilaħħqu bl-ispejjeż li għandhom.
Dawn ir-riżultati kienu bbażati fuq il-kriterji tal-qgħad, in-nuqqas ta’ garanzija ta’ xogħol u l-fraġilità finanzjarja fost il-familji.
Meta mqabbel ma’ sena qabel, Malta avvanzat żewġ postijiet fil-klassifika, wara li sena ilu pajjiżna kellu l-ħames l-inqas persentaġġ ta’ familji b’diffikultajiet biex ikampaw mal-ħajja, wara d-Danimarka, l-Iżvezja, il-Lussemburgu u l-Irlanda.
Dan l-istħarriġ sab ukoll li l-akbar piżijiet li qed iwasslu għal diffikultajiet tal-ħajja fost il-popli huma l-kontijiet tad-dawl.
Ir-riżultati kklasifikaw lil pajjiżna b’livell ogħla mill-medja Ewropea ta’ sodisfazzjon tal-ħajja u b’porzjon inqas mill-medja fir-riskji ta’ dipressjoni fost il-popli, skont l-indiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.