Irritornat fit-toroq Maltin il-President’s Solidarity Fun Run għat-tlettax-il edizzjoni, b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Din is-sena kienet l-ewwel darba wara sentejn li dan l-avveniment sar mingħajr restrizzjonijiet.
Dawk li pparteċipaw bil-mixi bdew triqithom lejn il-Belt Valletta minn Raħal Ġdid, Santa Venera u Tal-Qroqq, filwaqt li dawk li ġrew telqu mir-Rabat.
Persuni li tkellmu ma’ ONE News fir-Rabat esprimew l-entużjażmu tagħhom li din is-sena jistgħu jipparteċipaw f’dan l-avveniment b’għan nobbli mingħajr restrizzjonijiet.
Uħud mill-parteċipanti rrimarkaw kif din l-okkażjoni sservi ta’ opportunità tajba għal ftit eżerċizzju fiżiku.
Parteċipanti oħra qalu li din il-ġirja taqdi għan nobbli b’risq dawk l-aktar fil-bżonn.
Preżenti fir-Rabat kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, li appella għas-solidarjetà f’dan iż-żmien ta’ festi.
Qal, “Kemm hija aktar importanti f’dawn iċ-ċirkostanzi li nkunu solidali ma’ xulxin, solidali ma’ dawk li huma għaddejjin mill-aktar bżonn f’ħajjithom u forsi minn mard serju wkoll. Bħala Gvern għamilna ħafna biex ngħinu lil min hu għaddej minn dawn it-tbatijiet, imma l-Community Chest Fund tilgħab irwol importanti ħafna, l-importanza tal-attività fiżika għaliex din l-attività tgħaqqad l-importanza tal-attività fiżika mal-prinċipju tas-solidarjetà wkoll.”
Mal-ħin, folol kbar ta’ persuni li ġrew u mxew din il-maratona ngħaqdu flimkien fil-Furjana f’xena mill-isbaħ fejn il-parteċipanti ħonqu t-triq li twassal għall-Belt Valletta.
Preżenti kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u numru ta’ membri Parlamentari.
Fi tmiem l-attività, il-Prim Ministru ħabbar ukoll l-għoti ta’ donazzjoni tal-Gvern lejn il-Malta Community Chest Fund.
Qal, “Min-naħa tagħna bħala Gvern ukoll se nkunu qegħdin nagħtu donazzjoni żgħira ta’ ħmistax-il elf ewro mill-Fond għall-Kawżi ġusti b’risq min huwa aktar fil-bżonn. Dan huwa r-rigal tal-poplu Malti wkoll lill-Malta Community Chest Fund. Grazzi lilkom.”
Il-President ta’ Malta, George Vella rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, u appella biex il-ġenerożità tal-poplu terġa’ tidher fl-Istrina l-għada tal-Milied.
Qal, “Inħossuna kuntenti li naraw lill-poplu Malti magħqud flimkien, għaliex huwa poplu żgħir u s-saħħa tiegħu qegħda fl-għaqda. Ma nistgħux inħallu diviżjonijiet bejnietna, ma nistgħux inħallu firdiet bejnietna, imma naraw li kawżi bħal dawn iġibuna flimkien u nkunu poplu wieħed magħqud.”