F’logħba sabiħa u l-iżjed waħda mistennija fil-ġurnata tas-Sibt, l-Ingilterra ġew eliminati minn Franza 2 – 1 biex b’hekk dawn tal-aħħar ser jilgħabu kontra l-Marokk fit-tieni semi finali tat-Tazza tad-Dinja Qatar 2022.
Kienet partita bilanċjata fejn kemm Franza u anke l-Ingilterra kellhom il-mumenti tagħhom madankollu Franza kienu iżjed diretti u eventwalment għamluha għal fażi li jmiss.
Franza fil-vantaġġ fil-17 il-minuta meta Aurelien Tchouameni b’xutt mill-isbaħ xeħet wara Jordan Pickord biex sat-tmiem l-ewwel taqsima l-iskor baqa’ dak ta’ 1 – 0 minkejja ċ-ċansijiet tajba ta’ skor ta’ l-Ingliżi.
L-Ingilterra ta’ Gareth Southgate ħarġu iżjed aggressivi u wara sitt minuti ġew mogħtija penalty meta Tchouameni waqqa lill-Saka u r-referee Wilton Pereira Sampaio ordna penalty. Mill-11 il-metru Harry Kane ġab id-draw.
Franza mill-ġdid fil-vantaġġ fil-78 minuta meta wara kross ta’ Antoine Griezmann, il-veteran Olivier Giroud mill-viċin xeħħet fix-xibka għal skor ta’ 2 – 1.
Fl-84 minuta l-Ingilterra kellhom ċans tajjeb li jerġaw iġibu d-draw meta ġew mogħtija penalty ieħor din id-darba għal fawl ta’ Theo Hernandez fuq Mason Mount iżda din id-darba l-attakant Ingliż Harry Kane xeħet barra.
Minn hawn il-quddiem Franza irnexxilhom jikkontrollaw biex issa jinsabu mal-aħħar erba timijiet fl-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza tad-Dinja.
Ritratt: Sporting News