Wara l-aħbar li l-aġenzija internazzjonali DBRS Morningstar ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala A stable.
Il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija qal kif din hi konferma oħra f’sensiela li l-ekonomija ta’ pajjiżna hija waħda b’saħħitha u li t-tmexxija ta’ Robert Abela qed tibqa’ tieħu lil pajjiżna fid-direzzjoni t-tajba tant li l-esperti ta’ din l-aġenzija sostnew li “Malta recorded one of the quickest recoveries in the EU”. Dan kien attribwit għall-politika tal-Gvern, bir-rapport isostni li “the government support measures have played a key role in shielding the private sector from the pandemic and energy shocks as well as limiting persistent effects”. Kawża ta’ hekk, ir-rata ta’ qgħad naqset sostanzjalment mentri r-rata tal-inflazzjoni kienet relattivament kontenuta. Dan filwaqt li ġiet issalvagwardjata l-kompetittivita’ u l-kapaċita’ produttiva ta’ pajjiżna.
Skont id-DBRS, l-ekonomija Maltija se tkompli tikber fis-snin li ġejjin minħabba l-qagħda finanzjarja tajba tal-familji f’pajjiżna, kif ukoll għax l-investiment pubbliku mistenni jkun sostnut grazzi għall-fondi Ewropej.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni dejjem tgħid li l-miri fiskali tal-Gvern huma wisq ottimisti jew mhux kredibbli, ir-rapport igħid li “DBRS Morningstar views the government’s fiscal plan as credible given Malta’s track record of fiscal reduction before the pandemic”. L-esperti internazzjonali jsostnu wkoll li d-dejn pubbliku f’pajjiżna “remains manageable” filwaqt li l-qagħda fil-finanzi pubbliċi qed titjieb u tidher stabbli. Din mhux l-ewwel darba li entitajiet internazzjonali ma qablu xejn mal-analiżi ekonomika tal-Oppożizzjoni.
Ir-rapport ifaħħar ukoll il-ħidma tal-Gvern fejn tidħol governanza u jgħid li “Malta’s exit from the FATF’s grey list reflects the country’s significant progress and political commitment to maintaining high standards”. Dan filwaqt li r-rapport jirrimarka li “DBRS Morningstar views Malta’s significantly improved governance and institutional framework in recent years positively, including the reforms to the justice system.”
L-esperti internazzjonali jinnutaw ukoll kif ir-rebħa elettorali tal-Partit Laburista tat mandat ċar lil Dr Robert Abela u dan mistenni jwassal għal “broad policy continuity and continued political commitment to improve the country’s institutional and governance framework in the coming years”.
Il-Partit Laburista temm jgħid li, “Dan hu sinjal ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna.”