Tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Laburista u l-eks Speaker tal-Parlament, Daniel Micallef, fl-età ta’ 94 sena.
It-Tabib Daniel Micallef twieled fit-8 ta’ Ġunju tal-1928, fir-Rabat.
Huwa studja fil-Kulleġġ San Alwiġi u wara daħal jistudja bħala tabib fl-Università ta’ Malta, minn fejn iggradwa fl-1955.
Fl-1959, it-tabib Micallef mar jistudja l-Iżvizzera wara li rebaħ borża ta’ studju.
Huwa ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-elezzjoni tal-1962 f’isem il-Partit tal-Ħaddiema Nsara.
Fl-1971, Daniel Micallef ġie elett fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista u ġie elett fl-elezzjonijiet ta’ wara: fl-1976, l-1982, u l-1987.
It-tabib Micallef serva bħala l-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti bejn l-1982 u l-1986.
Bejn l-1986 u l-1987, Daniel Micallef serva fil-Kabinett tal-Ministri taħt il-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, bħala l-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Ambjent.
Huwa temm il-karriera parlamentari tiegħu fl-1992.
Daniel Micallef serva wkoll bħala Aġent President ta’ Malta, Ambaxxatur ta’ Malta għas-Sante Sede, u kien ukoll membru attiv fil-Kunsill tal-Ewropa, fejn kien ukoll Viċi President tal-Assemblea Ewropea.
Fl-2001, huwa ngħata l-midalja bħala uffiċjal tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu f’Jum ir-Repubblika.
Kienu bosta li, wara li tħabbret il-mewt ta’ Daniel Micallef, sellmulu fuq il-midja soċjali.
Fost dawn kien hemm il-President ta’ Malta, George Vella, li qal li kien tabib bravu, ġentlom, onest, u b’viżjoni qawwija dwar ir-rabta bejn l-ambjent u l-paċi. Huwa ta l-kondoljanzi lill-familja u lill-għeżież tiegħu.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, sellem il-memorja ta’ Daniel Micallef, li kien tabib maħbub minn bosta. Dr Abela qal li Micallef se jibqa’ magħruf għall-prinċipji sodi tiegħu u għal kif kien ilu żmien iqajjem temi importanti bħall-ambjent.
Sellem ukoll il-memorja tat-tabib Rabti n-neputi tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef.
L-istess għamel il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia.
Anki l-Partit Laburista sellem il-memorja tat-tabib Daniel Micallef. Fi stqarrija l-Partit qal li Micallef jibqa’ mfakkar għal kif, tul ħajtu, sawwar il-prinċipji soċjalisti b’saħħithom tal-Partit Laburista u dejjem baqa’ viċin in-nies.
Il-Partit Laburista ta l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef, u lill-għeżież tiegħu.