Raġel ittieħed l-isptar wara li kien involut f’inċident bejn erba’ vetturi, inkluż vann li kien qed iġorr żiemel f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu fi Triq l-Imdina.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li vettura għal xi raġuni tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla f’numru ta’ vetturi weqfin.
Dan bil-konsegwenza li mal-impatt, iż-żiemel li kien qed jinġarr minn vann tat-tip Toyota Hilux ħarab minn fuq il-post.
Madanakollu, ż-żiemel inqabad ftit tal-ħin wara u ttieħed għand il-veterinarju.
Raġel ta’ 34 sena minn Wied il-Għajn li kien qed isuq karozza tat-tip Audi A4, ittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
It-tliet irġiel l-oħra li l-età tagħhom tvarja bejn 33 u l-50 sena ma weġġgħux.
Fuq il-post intalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili minħabba żjut li kien hemm fit-triq kawża tal-inċident.