B’mod unanimu, il-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (is-CEPEJ) eleġġiet lill-imħallef Malti Francesco Depasquale bħala l-President il-ġdid tagħha, b’mandat ta’ sentejn.
Is-CEPEJ hija magħmula minn esperti tal-liġi mis-47 Stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa u taħdem favur it-titjib tal-effiċjenza u tal-mod kif titħaddem il-ġustizzja fl-Ewropa.
L-Imħallef Depasquale kien ilu mill-2007 jservi bħala r-rappreżentant ta’ Malta għal din il-Kummissjoni. Fl-2018 inħatar membru tal-Bureau u, f’Diċembru 2020 nħatar Viċi President.
Waqt id-39 laqgħa plenarja tagħha fi Strasburgu, is-CEPEJ ħatret ukoll lil Ivan Crnčec mill-Kroazja bħala Viċi President, filwaqt li Sonja Djemni-Wagner minn Franza u Seçkin Koçer mit-Turkija nħatru membri tal-Bureau.
Ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa ferħet lill-Imħallef Depsquale u xtaqitlu suċċess fil-mandat tiegħu.