Il-Gvern nieda l-Viżjoni Soċjali għal Malta għall-2035, bil-għan li jidentifika, jippjana, u jilqa’ għall-isfidi soċjali tas-snin li ġejjin.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnieda d-dokument ta’ din l-istrateġija bit-tema ‘Insawru l-Futur tas-Soċjetà Tagħna’.
Dan id-dokument jinkludi l-viżjoni, il-futur, id-direzzjoni, u l-istrateġija ppjanata sabiex tindirizza numru ta’ setturi soċjali differenti.
Dawn jinkludu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjanità, il-vizzji, persuni b’diżabilità, u l-migrazzjoni, fost oħrajn.
Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Denise Fiorentino, qalet li din il-viżjoni tipproponi żieda ta’ servizzi soċjali, aktar kampanji ta’ għarfien, u ħidma sabiex tissaħħaħ il-bażi tal-politika tal-Gvern fil-qasam soċjali.
Ġie spjegat li l-ħidma fuq din il-viżjoni kienet tinvolvi xogħol ta’ aktar minn sena, b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati b’din l-istrateġija.
“Inkluda wkoll li jsiru numru ta’ focus groups, li huma gruppi speċifiċi. Dawn kienu t-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani, u l-persuni b’diżabilità. Wara li rċevejna l-feedback minn dawn il-gruppi wkoll għamilna abbozz li ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika aktar kmieni din is-sena.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li, permezz ta’ dan id-dokument, il-Gvern qed juri d-direzzjoni f’dan is-settur fis-snin li ġejjin.
“Hawnhekk qed nidentifikaw fejn nixtiequ naraw is-soċjetà tagħna fl-2035. Ma jfissirx, imma, li mhux se jkun hemm tibdil, li mhux forsi naqbdu toroq differenti jew paralleli. L-importanti li, sa dak iż-żmien, naslu fil-mira, id-destinazzjoni finali.”