Il-kliem il-Festi t-Tajba bis-26 lingwa tal-Unjoni Ewropea, jispikkaw fi proġezzjoni fuq il-bini li jdawwar Pjazza San Ġorġ hekk kif fis-sitta tal-lejla, inxtgħelet b’dawl dekorattiv tal-Milied il-pjazza ta’ quddiem il-Palazz tal-GranMastru fil-Belt Valletta.
Dan id-dawl qed jagħti dehera aktar festiva għal dawn iż-żminijiet tal-festi, fil-fatt, issa aktar ma joqrob żmien il-Milied, tiżdied ukoll l-attività fil-belt kapitali. Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kultura għall-Belt, Jason Micallef qal li l-attività tal-lejla hija parti minn kullana ta’ attivitajiet matul dan ix-xahar bil-qofol jintlaħaq bl-attività ta’ lejliet l-ewwel tas-sena.
U filwaqt li qed insegwu l-mużika live, grupp ta’ turisti nfexxew f’ċapċip wara li wieħed minnhom niżel għarkuptejh u ppropona lis-sieħba tiegħu għaż-żwieġ bi sfond tal-bini bl-ilwien tipiċi tal-Milied.