Kokka tax-Xagħri bejtet b’suċċess f’Malta wara aktar minn 100 sena.
‘Birdwatchers’ u ornitoloġisti mill-BirdLife Malta osservaw par adulti tal-kokka b’imġieba territorjali li normalment tindika l-possibilita’ li dawn l-għasafar kienu qed jippruvaw ibejtu.
Matul sensiela ta’ ġranet li sar monitoraġġ ta’ dawn l-għasafar, minn distanza ‘l bogħod sabiex ma jiddisturbawx lill-għasafar, il-‘birdwatchers’ ġabru biżżejjed evidenza biex tikkonferma dan ir-rekord. Ftit ġimgħat ilu ferħ zgħir kien ukoll fotografat.
Birdlife qalet li l-post tal-bejta qed jinżamm temporanjament kunfidenzjali għall-benefiċju tas-sigurta’ ta’ dawn l-għasafar, għalkemm jista’ jingħad li dawn jinsabu f’santwarju ta’ l-għasafar, żona protetta fejn l-ebda kaċċa ma hija permessa.
In-naturalist Giuseppe Despott kien kiteb dwar żewġ każijiet ta’ bejtiet tal-istess speċi fil-viċinanzi tas-Siġġiewi u Wied Żnuber f’Mejju ta’ l-1906 u f’Mejju ta’ l-1909 rispettivament. Erbgħa u sebgħin sena wara, fl-1983, bejta b’ħames bajdiet kienet ġiet misjuba fuq Kemmuna iżda l-bejta safat abbandunata u kienet bla suċċess.
Il-Kokka tax-Xagħri, hi tajra tal-priża li tiekol prinċipalment firien u ġrieden u normalment tikkaċċja ftit qabel inżul u tlugħ ix-xemx. Hi għasfur li normalment jidher fil-passa tar-rebbiegħa u tal-ħarifa, bi ftit għasafar jippruvaw anke jqattgħu x-xitwa fil-gżejjer Maltin.