Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, sostniet l-importanza tas-sensittività fid-diskussjoni dwar l-emenda mressqa mill-Gvern u li bħalissa qed tiġi diskussa fid-dominju pubbliku.
Pace Gasan semmgħet leħinha fuq din l-emenda tant importanti fil-profil tagħha fuq Facebook, fi sfond ta’ kampanja ta’ miżinformazzjoni li qed issir, partikolarment mill-Partit Nazzjonalista.
L-emenda hija maħsuba biex tħares lill-ommijiet u l-professjonisti f’każ ta’ kumplikazzjoni fit-tqala li tpoġġi f’periklu ħajjet jew saħħet il-mara.
Filwaqt li Pace Gasan irrakkuntat l-esperjenza personali tagħha b’rabta mal-kundizzjoni Marfan Syndrome u r-riskji li din iġġib fuq nisa tqal, hija sostniet li bniedem irid jesperjenza problemi mediċi relatati mat-tqala biex jifhem kemm hija kumplessa din is-sitwazzjoni.
Hija rrimarkat li huma n-nisa li l-aktar li huma mistennija li jieħdu d-deċiżjonijiet u responsabbiltajiet ta’ wliedhom, imma mbagħad ironikament m’humiex meqjusa responsabbli biex jieħdu deċiżjonijiet fuq saħħithom u ħajjtihom stess.
Sostniet ukoll li, filwaqt li ħafna għandhom opinjoni dwar l-emenda li qed jipproponi l-Gvern, għal nisa tqal li f’każijiet mediċi jiġu bżonn jitterminaw it-tqala, hija kwistjoni ta’ ħajja jew mewt.
Filwaqt li Pace Gasan sostniet li hi u nisa oħrajn iridu dritt u mhux karità, temmet tgħid li filwaqt li hemm min ma jaqbilx mal-emenda, jekk xi ħadd qrib tagħhom jiġi bżonn dan is-servizz tas-saħħa ċerta li jgħinuhom biex imorru barra minn xtutna sabiex isalvawlhom ħajjithom.