Ma kien hemm ebda kaċċatur ieħor involut fl-isparaturi ta’ Novembru li għadda li wasslu għall-qtil ta’ ajkla protetta fir-Rabat.
Fil-Qorti kien ikkonfermat mill-Pulizija u xi voluntiera mill-Birdlife, li Justin Chetcuti spara fuq l-ispeċi fl-inħawi tal-Virtu fir-Rabat u ħarab minn fuq il-post kif intebaħ li xi voluntiera ġibdu filmat tal-ajkla nieżla fuq l-art u tmut. Id-Disa’ individwi li taw ix-xhieda tagħhom spjegaw kif ma raw lil ebda kaċċatur ieħor fl-inħawi fil-ħin tar-reat għajr Chetcuti, u kienu jafu li kien hu li spara fuq l-ajkla għaliex kien għadu bl-arma tan-nar f’idu. Qalu ukoll li kif intebah li kien hemm minn rah, deher nervuż.
Il-Pulizija qalu li wara li fittxew fil-karozza tal-akkużat sabu suffara li jsejjah lill-għasafar. Intant ix-xhieda kontra Justin Chetcuti se tkompli tingħata fil-Qorti fi Frar.