L-aġenzija Festivals Malta qed tiċċelebra l-ħames snin mit-twaqqif tagħha; ħames snin li matulhom, mill-2017 ’l hawn, organizzat ’il fuq minn elf attività.
Fil-fatt, l-aġenzija għamlet ’il fuq minn mitejn u ħamsin attività differenti kull sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Festivals Malta mhux biss tat ħarsa lejn is-suċċess li kisbet kemm ilha tagħmel id-diversi Festivals taħt ir-responsabbiltà tagħha, iżda nediet ukoll il-programm għas-sena d-dieħla.
Festivals Malta se tagħti bidu għall-kalendarju tagħha bil-Valletta Baroque Festival f’Jannar, imbagħad ikun hemm il-Karnival ta’ Malta fi Frar, il-festival Mużika Mużika f’Marzu, Ritmu u l-Malta International Arts Festival f’Ġunju, il-Malta Jazz Festival u d-Dance Festival Malta f’Lulju, in-Notte Bianca f’Ottubru, u The Three Palaces Festival u The Early Opera and Music Festival f’Novembru.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, innotat li l-aġenzija żviluppat minn dipartiment ċkejken fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti għall-aġenzija ffukata biss fuq l-avvenimenti organizzati madwar pajjiżna.
Festivals Malta hi responsabbli wkoll minn ħdax-il festival u ħames festi nazzjonali.
Stivala qalet kif l-aġenżija qed tkompli timplimenta l-viżjoni tagħha li tħabbret sena ilu u li fost l-oħrajn tiffoka fuq diversi aspetti fosthom is-sostenibbiltà.
Dan qed tagħmlu permezz ta’ diversi kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet privati u pubbliċi sabiex titnaqqas l-impatt tal-karbonju tal-festivals li torganizza l-aġenzija.
“U allura l-festivals li nagħmlu nistgħu nkejluhom u naraw x’impatt qed jagħmlu fuq l-ambjent, u b’dak li nkunu nafu mid-dejta li jkollna nistgħu naraw x’nistgħu nagħmlu biex intejbu u nagħtu dik id-daqxejn li nistgħu biex intejbu l-ambjent.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, irringrazzja lil dawk kollha li għamlu parti minn Festivals Malta tul dawn l-aħħar ħames snin, filwaqt li rrimarka li jinsab ottimist għall-ġejjieni tal-aġenzija.
Aaron Zahra nnota li, minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, Festivals Malta kien innovattiv billi għamel festivals b’mod virtwali.
In-Notte Bianca, imbagħad, kienet l-ewwel festival wara r-restrizzjonijiet tal-pandemija, u ntlaqgħet tajjeb ferm min-nies, b’madwar ħamsa u tmenin elf persuna joħonqu t-toroq tal-kapitali.
Aaron Zahra temm il-messaġġ tiegħu billi appella lil kulħadd sabiex jattendi għal dak li se ttorganizza din l-aġenzija matul is-sena d-dieħla.
“Aħna l-appelli tagħna sabiex l-udjenza, li matul l-aħħar sentejn konna qegħdin ngħidulha, ‘oqgħod id-dar u aħna niġu għandek’, illum il-ġurnata l-appelli tagħna sabiex l-avvenimenti kollha li se nkunu qegħdin norganizzaw is-sena d-dieħla jingħaqdu magħna u jieħdu gost b’dak li Festivals Malta se tkun qed timplimenta fiż-żmien illi ġej.”
Huwa qal li Festivals Malta se tkompli bil-ħidma tagħha biex tippromwovi l-kultura Maltija.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr li l-investiment f’Festivals Malta mill-Gvern isir biex il-kultura Maltija tibqa’ ħajja u tilqa’ fiha lill-poplu kollu.
B’hekk il-ħidma ta’ Festivals Malta qed tgħolli l-kwalità tal-prodott kulturali ta’ pajjiżna f’kull avveniment li torganizza matul is-sena.