Fil-Parlament, il-Ministru responsabbli mir-Riformi, Byron Camilleri, sostna li l-emenda fil-Kodiċi Kriminali se tkun qed iżomm l-abort illegali, kif inhi bħalissa l-liġi.
Huwa sostna li din l-emenda mhux se jkun hawn ħafna nisa li jintlaqtu minnha, imma se tkun qed tgħin lil dawk lil-ftit li se jiġu bżonnha.
Qal, “Mhux se jkollok ħafna nies li jintlaqtu, mhux se nilleġiżlaw għal ħafna nies, iżda jekk imqar ikun hemm persuna waħda li nkunu qegħdin nilleġiżlaw għaliha, inkunu għamilna ħafna f’dan il-Parlament. U nemmen ukoll li l-aktar li għandhom jitkellmu f’dan il-każ huma n-nisa, għaliex nerġa’ ngħid mhux se tiġri fuqi, imma se tiġri fuq in-nisa. Pero fuqi mhux se tiġri, imma tista’ tiġri fuq il-mara tiegħi, fuq in-nisa kollha ta’ pajjiżna tista’ tiġri, u mhux lest naċċetta illi l-istatus quo jew il-morality police f’dan il-pajjiż jibqgħu jirrenjaw.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon wieġeb għal kritika tal-Oppożizzjoni li qed issir dwar din l-emenda.
Qal, “Min qal illi b’din l-emenda, jew il-biċċa tal-aħħar, se tinfetaħ runway għall-abort, il-kritika mhux ’l hawn qed issir, il-kiritika qed issir lejn il-professjonisti illi qegħdin tgħidulhom: ‘ma nafdawkomx’.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli semmiet każ li ġara fl-Irlanda, għaxar snin ilu, meta mara tilfet ħajjitha meta nqalgħu kumplikazzjonijiet waqt it-tqala għax il-professjonisti mediċi ma tawx il-kura.
Qalet, “Din l-emenda għandha impatt dirett fuq il-futur tiegħi u fuq binti, fuq kull mara li tippjana u tixtieq li ssir omm fil-futur, għaliex kif inhuma l-affarijiet sal-lum il-ġurnata, it-tobba tiegħi u jien nistgħu neħlu l-ħabs jekk tqala li mhijiex vijabbli tiżviluppa f’kumplikazzjonijiet għal saħħti jew ħajti.”