Total ta’ 107 akkademiċi ffirmaw petizzjoni favur l-emenda proposta mill-Gvern sabiex tikkjarifika l-parametri fil-Kodiċi Kriminali li għandhom japplikaw għal ċirkostanzi ta’ neċessità fejn ikun meħtieġ intervent mediku biex tiġi protetta l-ħajja u s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika.
Dawn l-akkademiċi qalu li jappoġġjaw l-emenda kif inhi u argumentaw li min jopponi din il-leġiżlazzjoni jew jipprova jirrestrinġiha jkun qed ipoġġi l-ħajjiet u s-saħħa tan-nisa f’riskju ikbar.
Il-lista twila ta’ firmatarji tinkludi ismijiet bħall-Prof. Marceline Naudi, il-Prof. Carmen Sammut, il-Prof. Dominic Fenech, il-rof. John Baldacchino, il-Prof. Adrian Grima, u Dr Marie Briguglio, fost l-oħrajn.
L-akkademiċi li ffirmaw din il-petizzjoni ma qablu assolutament xejn ma numru iżgħar ta’ akkademiċi li ffirmaw petizzjoni kontra l-emenda,u li allegaw li l-inklużjoni tas-saħħa bħala eċċezzjoni f’din l-emenda tiftaħ il-bieb għal abort faċli bħalma jsir, pereżempju, fir-Renju Unit. Il-firmatarji tal-petizzjoni tal-lum, favur l-emenda, ippreċiżaw li l-kliem tal-Liġi tar-Renju Unit huwa differenti ħafna min dak li qed jiġi propost mill-gvern Malti.