Fuq il-midja soċjali, l-opinjonista Jeremy Camilleri kkonferma li hemm tobba li bagħtu lill-pazjenti tagħhom jagħmlu abort barra minn Malta u li issa qed jiffirmaw petizzjoni li huma kontra l-abort.
Camilleri qal li kkuntattjah sieħeb persuna minn dawk li rreferiet għalihom l-akkademika u attivista Andrea Dibben u kkonfermalu dak li kitbet Dibben mill A saż-Ż.
Dibben kitbet li “hemm mill-inqas tlieta minn dawn it-tobba li bagħtu diversi persuni r-Renju Unit u ffirmaw il-pożizzjoni tal-akkademiċi. Għandna provi ċari, inklużi ittri u screenshots ta’ taħditiet ma’ pazjenti. Mhux se nsemmi l-ismijiet għax mhux l-għan tiegħi li nċappas lil xi ħadd, imma tafu min intom u l-pazjenti jafu min intom. Tant huma dispjaċuti li qed jitkellmu. Hija żvelat li dawn l-istess pazjenti jkollhom iħallsu mas-sitt elef u ħames mitt ewro biex imorru jagħmlu dan barra.
Jeremy Camilleri kiteb: “Issa, għalfejn tabib li biex jieħu ħsieb saħħet pazjent kien lest jirreferiha għal abort barra minn Malta, imbagħad jinsisti li hu kontra l-abort ma nistax inwegibha jien. Ma tantx tagħmel sens loġiku! Każ ta’ ipokresija grassa? Jew kas li saritlu pressjoni biex, fil-fatt, jiffirma? Dik jista’ jweġibha biss hu, jekk irid pubblikament (nemmen li mhux ħa jkun il-każ) jew tal-anqas mal-kuxjenza tiegħu.”
Huwa qal ukoll li jinsab infurmat li hemm iktar pazjenti li tkellmu, u li tobba hemm iktar minn wieħed.