Il-grupp MARA ħareġ ir-raba’ xogħol tiegħu għas-sena 2022, fil-forma ta’ għanja ġdida tal-Milied.
‘L-Isbaħ Rigal’, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, mużika ta’ Philip Vella, u produzzjoni ta’ Philip u Sean Vella, hija kanzunetta oriġinali ta’ MARA, li għalihom din is-sena kienet l-ewwel sena sħiħa. Fil-fatt, il-grupp ngħaqad fi tmiem is-sena 2021, u mbagħad għamel id-debutt tiegħu fit-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija bis-silta ‘Aħjar Hekk Inkella Agħar’.
‘L-Isbaħ Rigal’ titkellem dwar rigal “imgeżwer f’karta kannella, imsebbaħ b’żigarella u b’ċoff aħmar kbir tal-bellus”, li ħafna jkunu qegħdin jistennew li jsibu taħt is-siġra tal-Milied fid-dar tagħhom. Il-kliem ifakkarna f’kemm, fir-realtà, il-materjaliżmu mhux kollu fil-ħajja għax jista’ jkollna “l-ferħ bla tmiem” jekk ikollna l-għaqda f’dawn iż-żminijiet tant sbieħ.
Biex jakkumpanja r-rilaxx ta’ din is-silta sar vidjow mużikali, miġbud minn Kurt Cauchi.
‘L-Isbaħ Rigal’ hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali.