Il-para qaddiefa Kurt Farrugia u Nick Mercieca għadhom kemm stabbilixxew rekords dinjija ġodda fl-Indoor Rowing għall-500m fil-kategoriji rispettivi tagħhom. Dan ir-riżultat inkiseb minn Farrugia u Mercieca, li jirrappreżentaw lil Siġġiewi Rowing Club, waqt fil-Kampjonati Nazzjonali ta’ Qdif Indoor ta’ Malta, organizzat mill-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor bl-appoġġ ta’ SportMalta, li saru nhar is-Sibt 19 ta’ Novembru. 2022.
Kurt Farrugia kkompeta fil-kategorija ta’ l-irġiel PR2 fil-500m (eta` 19-29 sena) fejn ġab rizulat ta` 2 minuti 5.4 sekondi (0.7 sekondi aħjar mill-pussessur tar-rekord dinji preċedenti); filwaqt li Nick Mercieca kkompeta fil-kategorija ta’ irġiel f’eta` 15-16 PR1, fejn spiċċa l-500m fi 3 minuti 9.6 sekondi, l-ewwel rekord dinji li qatt ġie rreġistrat għal din it-tellieqa. Din hija l-ewwel darba li Rekords Dinjija ġew stabbiliti f’Malta waqt il-Kampjonati Nazzjonali tal-Qdif fuq ġewwa jew minn atleti Maltin.
Siġġiewi Rowing Club huwa klabb sportiv inkulssiv, imwaqqaf fl-2016 bil-għan li jlaqqa’ flimkien individwi ta’ kull età u kapaċità, u jiggwidahom professjonalment fil-vjaġġ personali tagħhom fl-isport tal-qdif u d-dixxiplini varji tiegħu. Il-Klabb huwa membru sħiħ tal- Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor u huwa wieħed mit-tmien klabbs tal-qdif li jipparteċipaw fir-Regatti Nazzjonali Maltin li jsiru fil-31 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Settembru. Diversi atleti tal-klabb ukoll jitħarrġu u jikkompetu f’diversi avvenimenti u regatti internazzjonali.
Il-Kumitat Paralimpiku Malti faħħar ir-riżultati miksuba mill-Para qaddiefa Farrugia u Mercieca, filwaqt li rrimarka li dan huwa xhieda tal-impenn tagħhom lejn dan l-isport. Julian Bajada, is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta, esprima sodisfazzjon għal kif il-para qdif (para rowing) qed jimxi ‘l quddiem biex isir wieħed mill-isports tal-Para li qed jikbru b’rata mgħaġġla u li huma pprattikati b’mod wiesa’ f’Malta, li jlaqqa’ para atleti b’taħlita diversa ta’ impairments, inklużi para-atleti neqsin mid-dawl. Il-Kumitat Paralimpiku Malti appella lil klabbs sportivi oħra biex jitgħallmu mill-aħjar eżempju ta’ prattika li qed jagħti Siġġiewi Rowing Club, klabb li qed ipoġġi l-innovazzjoni fil-Parasport fuq quddiem fil-filosofija sportiva tiegħu u jassigura parteċipazzjoni sħiħa mill-para atleti fi ħdan l-isport.
Il-Professur Joseph N. Grima, President tal-Kumitat Paralimpiku Malti u Siġġiewi Rowing Club, filwaqt li feraħ lil Kurt Farrugia u Nick Mercieca għar-rekords mondjali li għadhom kif akkwistaw, innota l-iżviluppi pożittivi li qed iseħħu fix-xena tal-qdif lokali li qed tara il-ko-żvilupp tal-qdif Olimpiku u Paralimpiku. “Dak li qed naraw hawnhekk huwa riżultat ta’ ħidma sfiqa, kuraġġ u determinazzjoni tal-atleti, li bl-appoġġ tal-kowċ tagħhom Juan Farrugia, il-Klabb, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali u l-familji rispettivi tagħhom, setgħu juru lid-dinja l-kapaċita` tagħhom permezz ta’ l-eċċellenza fl-isport.”