Il-qafas regolatorju li għandu pajjiżna fil-qasam tal-Assi Finanzjarji Virtwali, magħrufa wkoll bħala Crypto, qiegħed iservi ta’ eżempju għal Kummissjoni Ewropea li qed tfassal qafas simili għal dak ta’ pajjiżna.
Dan kien innotat minn maniġer ta’ Crypto.com, Mariana Gospodinova.
Gospodinova tmexxi l-fergħa lokali ta’ din il-kumpanija li madwar id-dinja tħaddem mal-erbat’elef ruħ.
Hija qalet kif il-qafas, introdott lura fl-2018 f’pajjiżna għen lil kumpaniji bħal dik li tagħmel parti minnha hi biex jaħdmu u joffru s-servizzi tagħhom b’mod sigur filwaqt li jipproteġu lill-konsumatur.
Rigward dak li qed taħdem fuqu l-Kummissjoni Ewropea, magħrufa bħala MiCA, Gospodinova stqarret kif il-leġiżlazzjoni Maltija diġà qed tirregola il-maġġoranza tal-kriterji ta’ dak li se jkun mistenni mill-kumpaniji li joperaw fl-Unjoni Ewropea.
“Malta serves as a jurisdiction that is an example for every other European or non-European jurisdiction who wants to create such a framework. Because a closer inspection of MiCA shows that the Maltese Government got everything right. The majority of the conditions that we have right now under the local framework would actually be part of the MiCA.”
B’reazzjoni għal dan il-Ministru responsabbli għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, fakkar kif meta dan il-qafas regolatorju ġie introdott kien mill-aktar innovattiv u li attira bosta kumpaniji biex jespandu lejn pajjiżna.
Barra minn hekk, huwa qal kif l-istituzzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għarfu li l-proċess huwa wieħed robust u b’saħħtu sabiex kumpanija tkun tista’ tikseb liċenzja biex topera, tant li qed tadattah għall-Unjoni Ewropea kollha.
“Allura dan il-framework li huwa identiku għal dak li għamilna aħna sitt snin ilu, kumpaniji li għandhom il-liċenzja Maltija issa jistgħu eventwalment, minn hawn u sena, sena u nofs oħra, jibdew joperaw f’kull pajjiż ieħor tal-Ewropa u din allura poġġietna f’sitt snin vantaġġ ma’ pajjiżi oħra. Għalhekk inħares ‘l quddiem biex aktar kumpaniji jkomplu jistabilixxu l-preżenza tagħhom ġewwa pajjiżna.”