Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li kien maqbud fit-tifrik tal-fabbrika li ġġarrfet instab bla ħajja.
Is-sejba tal-ġisem tal-ġuvni seħħet wara operazzjoni ta’ 15-il siegħa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10am tas-Sibt filgħodu meta l-fabbrika, li kienet għadha qed tinbena, sfrondat b’sitt persuni ġo fiha.
L-ewwel ħames ħaddiema nħarġu fi ftit ħin mil-ħaddiema tas-salvataġġ, bi tlieta minnhom jiddaħħlu l-isptar f’qagħda kritika. Is-sitt persuna, li huwa ż-żagħżugħ li kien imfittex, baqa’ ma nstabx u kien hawn li kompliet ħidma delikata u perikoluża ħafna li matulha tneħħew tunnellati sħaħ ta’ materjal mis-sit. Wara li tneħħa ammont kbir ta’ ġebel bl-idejn, il-ħidma imbagħad kompliet permezz ta makkinarju speċjalizzat li bih bdew jitneħħew is-soqfa u travi kbar li kienu ġġarrfu.
Preżenti fuq il-post kien hemm ukoll membri mit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kif ukoll uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali.