L-emenda fil-Kodiċi Kriminali li qed tkun diskussa fil-Parlament, maħsuba biex tipproteġi lit-tobba u lill-ommijiet f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji fit-tqala, mhux se ddaħħal l-abort f’pajjiżna.
Saħaq dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard f’intervista ma’ ONE News, li fiha tkellem dwar l-aspetti legali ta’ din l-emenda.
“Din l-emenda mhux se ddaħħal l-abort f’pajjiżna. Dawk li huma provedimenti fil-Kodiċi Kriminali marbuta mal-abort hemmhekk se jibqgħu.”
Il-Ministru Jonathan Attard tkellem ukoll dwar l-għan ta’ din l-emenda.
“Din l-emenda l-intenzjoni tagħha huwa illi tassigura li dak li kien isir qabel bħala prassi mingħajr is-sostenn legali, issa jkun hemm is-sostenn legali b’talli mod illi li nassiguraw li l-ommijiet f’pajjiżna jingħataw l-aqwa trattament tas-saħħa.”
Meta mistoqsi jekk l-omm tistax tiddeċiedi hi dwar it-tqala, il-Ministru kien skjett.
“Id-deċiżjoni li qed ikun propost b’din l-emenda hija tal-professjonist mediku, ovvjament kull intervent mediku li jsir, irid isir bil-kunsens tal-pazjent.”
Il-Ministru qal ukoll li l-omm għandha dritt li ma taqbilx li tkun itterminata t-tqala.
“Omm tista’ ma taqbilx illi jkun hemm it-terminazzjoni tat-tqala, kif tista’ ma taqbilx li jsir kwaluanke intervent fuqha, diment li ma jkunx hemm mard konteġġjuż.”
Staqsejna wkoll lill-Ministru għall-Ġustizzja jekk għandux isir referendum dwar din l-emenda.
“Aħna nemmnu illi fiċ-ċirkostanza, jiġifieri qed nitkellmu hawnhekk fl-aqwa interess tal-ħajja, ta’ saħħet l-omm li huwa dritt fundamentali, din mhiex kwistjoni ta’ opinjoni. Aħna konvinti li dan huwa l-aqwa pass li jrid isir biex nassiguraw fuq li n-nisa tagħna jirċievu l-aqwa kura tas-saħħa.”
Il-Ministru Jonathan Attard qal li dwar dan is-suġġett il-Gvern qiegħed jikkonsulta ma’ kulħadd.