Fr Joe Borg, għal snin twal parti mill-establishment u l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista, ħareġ jiddefendi d-diskors ta’ Bernard Grech li ġab l-istmerrija ta’ bosta.
Lil Bernard Grech kien hemm editorjali li talbuh jitlob apoloġija, għaqdiet u attivisti talbuh saħansitra jirriżenja u oħrajn ikkundannawh. Iżda, Joe Borg, magħruf għal kemm hu qrib ta’ Beppe Fenech Adami u l-Partit Nazzjonalista, kiteb fuq il-midja soċjali biex jgħid li dawn kollha “minn żewġ ċagħkiet għamlu muntanja.”
Mhux hekk biss. Borg żied jgħid li Grech għamel diskors tajjeb ħafna fil-Parlament.
Fr Joe borg kien qed jirreaġixxi għal kumment tas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg li fuq il-midja soċjali qalet li deputati nisa li sabtu fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni b’approvazzjoni għal dan id-diskors misshom jistħu. Iżda, għal Borg għandha tistħi hi u mhux Bernard Grech. “Istħi int, Onorevoli,” qalilha Borg, wieħed minn dawk li għandhom l-iktar saħħa fil-Kurja tal-Arċisqof u l-midja tal-Knisja.
Fr Joe Borg qal li Bernard Grech wera sensittività kbira għan-nisa li jkollhom tqala diffiċli, jew tqala mhux mixtieqa, anke jekk l-għaqdiet tan-nisa qalulu li ma kien sensittiv xejn.
Saħansitra, Grech, irrepeta affarijiet li qal Jason Azzopardi u li b’mod immedjat dwarhom infetħu proċeduri l-qorti.
Joe Borg irrepeta l-gidba li l-Gvern irid idaħħal l-abort u kull min kritika d-diskors ta’ Bernard Grech sejjaħlu abortist.
U fost dawk li kkummentawlu minnufih kien hemm l-eks Ministru Tonio Borg li kitiblu li d-diskors ta’ Bernard Grech kien “ċar, onest u kredibbli.”
Naturalment, il-messaġġ aħħari kien li n-nies għandhom imorru l-protesta li se ssir il-Ħadd.