Kien għall-ħabta tal-10 ta’ dalgħodu meta l-Pulizija ġiet infurmata b’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fil-qasam industrijali ta’ Kordin.
ONE News kien fost tal-ewwel fuq il-post, fejn mill-ewwel kien hemm preżenza qawwija ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei.
L-ewwel investigazzjonijiet juru li binja li kienet qed tinbena ġġarrfet waqt li kien qed isir xi xogħol u kien hemm numru ta’ ħaddiema maqbuda.
Minnufih bdiet operazzjoni ta’ salvataġġ u nħarġu ħamest irġiel – Malti ta’ 42 sena minn San Pawl il-Baħar, tliet Albaniżi, u ieħor mill-Bożnja. Huma ttieħdu mill-ewwel l-isptar.
Tlieta mill-ħaddiema ġew iċċertifikati bi ġrieħi serji, ieħor bi ġrieħi gravi u l-ġrieħi tal-ħames persuna għadhom mhux magħrufa.
Wara ftit sar magħruf li hemm persuna oħra maqbuda taħt it-tifrik, u bdiet operazzjoni delikata ħafna biex tinstab, b’riskju serju li jaqa’ l-kumplament tal-bini. Aktar tard sar magħruf li din il-persuna hija żagħżugħ ta’ għoxrin sena.
Malli l-vittmi ttieħdu l-isptar, fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne rringrazzja lill-ħaddiema mediċi kollha nvoluti f’dan l-inċident.
Qal li bħalissa hemm ħames pazjenti l-Isptar Mater Dei, li tnejn minnhom jinsabu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.
Deep gratitude to the ambulance and CPD staff on site at #Corradino. At the moment 5 patients at Mater Dei – 2 of whom in ITU. One still unaccounted for.
— Chris Fearne (@chrisfearne) December 3, 2022
Sorsi viċin ONE News qalulna li tlieta mill-vittmi ġew bżonn operazzjoni.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa MarseAnn Farrugia u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.