Mal-kritika ħarxa li qed issir lill-Kap tal-Oppożizzjoni għall-mod dispreġġjattiv lejn in-nisa li bih tkellem fil-Parlament din il-ġimgħa llum żdiedet dik tal-Moviment Graffitti, li qal li Kap tal-Oppożizzjoni li lest li jwaqqa’ għaċ-ċajt u jipperikola n-nisa fl-iktar mumenti vulnerabbli ta’ ħajjithom sabiex jirbaħ il-punti politiċi ma ħaqqux siġġu fil-Parlament. Il-moviment talab lil Bernard Grech jirreżenja minnufih u qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jitlob maħfra pubblika lil Andrea Prudente.
Fi stqarrija, qalu li jinsabu diżgustati bil-lingwaġġ abbużiv u vjolenti ta’ membri prominenti tal-Partit Nazzjonalista huma u jiddibattu l-emenda proposta għall-kodiċi kriminali: “Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, żeblah il-kunjom ta’ Andrea Prudente, li tilfet tqala prezzjuża għaliha u li, flimkien mar-raġel tagħha, riedu jħarsu u jiċċelebraw. Grech tefa’ dawl ikrah fuq l-azzjonijiet ta’ Prudente fir-rigward ta’ tqala li tant xtaqet u insista li t-tobba kienu ‘iktar prudenti’ minnha.”
Komplew jirrimarkaw li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni jaf li m’għadux jaf jilħaq liż-żgħażagħ, li minnhom jiddependi sabiex jerġa’ jsib ruħu fil-Gvern. Jaf ukoll kemm ma jiflaħ iwassal xejn ta’ sinifikat fid-dibattitu pubbliku. “Fuq kollox, bħala partit konservattiv mibni fuq limiti patrijarkali kbar, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni jibża’ jafda l-ġejjieni lin-nisa ta’ Malta u Għawdex,” kompliet tgħid l-istqarrija. “Għalhekk, huwa joħroġ il-beżgħat interni, il-konfużjoni u l-kollass li qiegħed jiffaċċja f’ostilità pubblika fil-konfront tal-mara.”
Il-moviment innota wkoll li anki l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, baqgħet siekta fil-konfront ta’ dan kollu u ma użatx il-pożizzjoni tagħha sabiex tħares lin-nisa ta’ Malta u Għawdex mill-oppressjoni pubblika u mill-umiljazzjoni li tefgħu fuqhom il-kollegi tagħha fl-Oppożizzjoni.
“Klassi politika li lesta tattakka n-nisa hekk kif issib ruħha mingħajr viżjoni u kontroll m’għandha l-ebda post fil-poter. Il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista, irġiel jew nisa, li ma tkellmux kontra r-retorika tal-mibegħda tal-mexxej tagħhom Bernard Grech huma politikanti falluti bħalu,” temmet tgħid l-istqarrija.
Din il-ġimgħa, id-diskors miżoġinista u dispreġġjattiv ta’ Bernard Grech qanqal il-korla ta’ bosta, inkluż tat-Times of Malta, li fl-editorjal tal-bieraħ talbitu jitlob skuża talli ddegrada din id-diskussjoni importanti u rewwaħ il-fjammi tal-estremiżmu fil-pajjiż. “Huwa irresponsabbli bil-kbir li Kap tal-Oppożizzjoni jagħti l-impressjoni li huwa normali u tajjeb li twaqqa’ għaċ-ċajt is-sitwazzjoni serja li għaddiet minnha mara u ddawwarha f’persuna li għandha tintwera l-mibegħda lejha,” qalet it-Times.
Anki l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) appellat għal aktar sensittività mill-atturi soċjali u politiċi kollha meta tiġi diskussa l-emenda proposta tal-kodiċi kriminali. “Irrispettivament mill-pożizzjoni tal-individwu fid-dibattitu attwali, l-esperjenzi tan-nisa li għaddew minn żminijiet ta’ sfida u ta’ uġigħ m’għandhom qatt jiġu ridikolati jew miċħuda iżda pjuttost mismugħa, rispettati, apprezzati u mogħtija l-kunsiderazzjoni xierqa,” appellat il-Kummissjoni.
Min-naħa tagħha, il-Malta Women’s Lobby, organizzazzjoni ċentrali li taħdem fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa, qalet li d-diskors li għamel fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għandu effett li jkexkex u mhux aċċettabbli. Il-MWL saħqet li n-nisa jeħtieġu bis-sħiħ l-appoġġ u l-empatija, u li kliem bħal dak ta’ Bernard Grech li joħloq id-dubju dwar in-nisa jipperpetwa l-miżoġenija, jiġifieri l-istmerrija, id-disprezz, jew il-preġudizzji li rabbew l-għeruq kontra l-bniet jew in-nisa.