Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rrefera għal rapport li pubblikat it-Times of Malta bit-titlu ‘President snubbed by Abela over abortion law amendment’, u qal li dan huwa bbażat fuq informazzjoni li mhix korretta.
L-istqarrija qalet li l-Prim Ministru jagħmel laqgħat regolari u skedati mal-President ta’ Malta, u li din il-ġimgħa stess kien imiss waħda minn dawn il-laqgħat. Il-laqgħa, fil-fatt, saret kif kien skedat, nhar l-Erbgħa fis-2pm fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-President ukoll ħareġ stqarrija li fiha kkonferma d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li nhar l-Erbgħa li għadda l-Prim Ministru u l-President ta’ Malta kellhom il-laqgħa li jkollhom b’mod regolari bejniethom fuq il-bażi tad-doveri kostituzzjonali.