Fl-aħħar żewġ partiti mill-fażi tal-gruppi, minn Grupp G l-Svizzera ingħaqdu mal-Brażil u kwalfikaw għal fażi tal-aħħar sittax tat-Tazza tad-Dinja Qatar 2022.
L-aktar partita movimentata kienet dik bejn s-Serbja u l-Svizzera fejn ġew skorjati xejn anqas minn ħames gowls. Kien Xherdan Shaqiri li poġġa lill- Svizzera fil-vantaġġ fl-20 minuta iżda sitt minuti biss wara Aleksandar Mitrovic ġab id-draw. Dusan Vlahovic fil-35 minuta poġġa lis-Serbja fil-vantaġġ għal ewwel darba iżda Breel Embolo eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima ġab id-draw għal skor ta’ 2- 2.
Appena għaddew tlett minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Remo Freuler mill-ġdid poġġa lill-Svizzera fil-vantaġġ għal 3 – 2 liema skor baqa lis-stess sat-tmiem il-konfront.
Fil-partita l-oħra, minkejja d-dominju kważi tul il-konfront kollu l-Brażil ġew megħluba mill-Kamerun 1 – 0, gowl li wasal fil-92 minuta skorjat minn Vincent Aboubakar. Il-plejer tal-Kamerun tkeċċa fl-stess azzjoni minħabba li neħħa l-flok u għalhekk intwera karta sofra oħra fil-konfront li fissret awtomatikament tkeċċija.
Il-Brażil u Svizzera temmew l-impenji tagħhom b’total ta’ sitt punti iżda l-Brażil spiċċaw fl-ewwel post minħabba differenza aħjar ta’ gowls. Il-Kamerun spiċċaw fit-tielet b’erba punti u s-Serbja fl-aħħar post b’punt wieħed biss.
Fil-fażi tal-aħħar sittax il-Brażil ser jilgġabu kontra l-Korea t’isfel nhar it-Tnejn filwaqt li Svizzera ser jaffaċjaw lill-Portugal nhar it-Tlieta.
Ritratt: NY Times