Meta rrefera għall-konklużjoni tar-‘Rapport ta’ Verifika ta’ Prestazzjoni: Care for the Elderly in Gozo’, il-Ministeru għal Għawdex osserva li l-Awditur Ġenerali kkonkluda li b’mod ġenerali m’hemm l-ebda dubju li l-flus pubbliċi minfuqin mill-Ministeru kkontribwew b’mod pożittiv għall-anzjani li qed jgħixu fil-komunità jew f’dar residenzjali f’Għawdex.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li r-rapport kompla jgħid li dan ifisser li l-Ministeru għal Għawdex għamel il-pedamenti biex jespandi u jtejjeb il-kwalità tas-servizzi komunitarji u residenzjali għall-popolazzjoni li dejjem qed issir aktar anzjana, kemm biex iwessa’ l-ambitu tas-servizzi kif ukoll biex itejjeb il-kwalità tagħhom.
“Dan juri biċ-ċar li l-Ministeru għal Għawdex ħadem u qed jaħdem sabiex itejjeb il-kura għall-anzjani kemm fil-komunità kif ukoll fid-djar residenzjali,” qalet l-istqarrija.
Il-Ministeru qal li l-Oppożizzjoni qed tikkritika parti żgħira mis-servizz tal-Home Help li qiegħed jingħata mill-Inspire, organizzazzjoni mhux governattiva li tagħmel ħafna ġid ma’ persuni b’diżabilità kif ukoll is-servizz fl-istess operat tal-Home Help.
“Jekk għall-Oppożizzjoni din il-parti tas-servizz tal-Home Help hija ħażina, ifisser li qed tipponta subgħajha lejha nnifisha għaliex dan is-servizz ilu jingħata minn żmien Gvern Nazzjonalista, mis-sena 2001,” qal il-Ministeru. “Filwaqt li l-gvern preżenti ma ħassx li għandu jwaqqaf dan is-servizz, il-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jkompli jtejjeb l-operat tad-dipartiment responsabbli.”