Il-jum tal-1 ta’ Diċembru 2022 żgur ser jibqa imfakkar fl-storja tat-Tazza tad-Dinja hekk kif l-erba timijiet ta’ Grupp E; jiġifieri l-Ġappun, Spanja, l-Ġermanja u l-Kosta Rika kienu biċ-ċans li jikkwalfikaw f’xi ħin jew ieħor tal-partiti rispettivi tagħhom fl-aħħar ġurnata tal-gruppi
Fil-Khalifa International Stadium, il-Ġappun rebħu 2 -1 kontra Spanja biex eventwalment rebħu l-grupp b’total ta’ sitt punti. Kienu Spanja li dominaw l-ewwel taqsima u ma kientix sorpriza li wara biss 11 il-minuta marru fil-vantaġġ permezz ta’ Alvaro Morata biex l-ewwel taqsima intemmet 1 – 0.
Il-Ġappun ħarġu tajjeb ħafna fit-tieni taqsima u fil-48 minuta Doan ġab id-draw. Maħsuda minn dan il-gowl, Spanja sofrew ieħor hekk kif Tanaka preċiżament fil-51 minuta poġġa lill-Ġappun fil-vantaġġ għal ewwel darba, gowl xi ftit jew wisq kontroversjali hekk kif il-ballun possibilment qabeż il-linja waqt il-kross. Minn hawn il-quddiem il-partita kienet miftuħa għal kull riżultat iżda l-konfront intemm 2 – 1 biex Spanja kwalifikaw bit-tieni post.
Logħba movimentata ħafna kienet fil-Al Bayt Stadium bejn il-Kosta Rika u l-Ġermanja bil-Ġermaniżi jerbħu 4 -2 liema rebħa ma kienitx biżżejjed sabiex jikkwalfikaw għal fażi tal-aħħar sittax.
Gnabry poġġa lil Ġermanja fil-vantaġġ wara biss għaxar minuti bl-ewwel taqsima tintemma 1 – 0. Fit-tieni taqsima assistejna għal xejn inqas minn ħames gowls. Tejeda fil-58 minuta ġab id-draw filwaqt li Vargas fl-20 minuta poġġa lill-Kosta Rika fil-vantaġġ biex bl-skor ta’ 2 – 1 kienu ser jkunu huma li jikkwalfikaw.
Il-Ġermanja introduċew lill-Havertz u ta’ dan ġew premjati għaliex skorja darbtejn fil-73 minuta u fil-85 minuta. Mat-tokki ta’ 90 minuta Fulkrug skorja r-raba gowl tal-Ġermanja għal skor finali ta’ 4 -2.
Fir-rawnd tal-aħħar sittax il-Ġappun ser taffaċja lill-Kroazja nhar it-Tnejn filwaqt Spanja tilgħab kontra l-Marokk nhar it-Tlieta.
Ritratt: The Telegraph