Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, din is-sena se jirritornaw fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena: ċelebrazzjonijiet li għalihom mistennija jattendu aktar minn ħamsin elf ruħ.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie spjegat li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew fl-10:00pm u jibqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin tas-sena l-ġdida.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Vallett sostna li jinsab onorat li għal darb’oħra l-Aġenzija se tkun qed tagħmel l-ikbar avveniment lokali ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta.
Qal li “l-ewwel nett, huwa l-ikbar avveniment tas-sena fil-Belt Valletta. Flimkien man-Notte Bianca, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena jiġbru għexieren ta’ eluf ta’ nies. Fil-fatt, dejjem nistmaw li jkollna mal-ħamsin, sittin elf ruħ hawnhekk.”
Micallef spjega li l-lejla se tibda b’mużika minn Kurt Calleja and Band, segwit mill-mistiedna speċjali The Brass House Unit, taħt it-tmexxija ta’ Kevin Abela, u minn diversi kantanti lokali stabbiliti fosthom Aidan, Drakard, Amanda Marie, Brooke, Gloriana Arpa Belli, Jasmine, Kevin Paul Calleja, Ludwig Galea, Owen Luellen, Ozzy Lino, Pawlu Borg Bonaci, u Tiziana Calleja.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna s-sodisfazzjon tiegħu għar-ritorn ta’ din iċ-ċelebrazzjoni fil-qalba tal-kapitali Maltija wara nuqqas ta’ sentejn minħabba ċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija.
Il-Ministru Bonnici qal ukoll kif dan il-programm imħejji għall-Ewwel tas-Sena fih varjetà ta’ artisti lokali eċċezzjonali.
Spjega kif “din hija pjattaforma fantastika fejn qed naraw ħamsin, sittin elf ruħ jinġabru f’din il-pjazza, u jkollok l-artisti lokali li jesebixxu t-talenti tagħhom. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li, bis-saħħa tal-mużika u l-kultura, nistgħu nibagħtu dan il-messaġġ ta’ għaqda nazzjonali fejn il-familji nġabru kollha hawnhekk flimkien jiċċelebraw is-sena l-ġdida.”
It-tliet stazzjonijiet televiżivi ewlenin se jingħaqdu flimkien sabiex din is-serata tixxandar b’mod dirett għal dawk li jkunu d-dar jew li ma jkunux jistgħux jattendu.