Is-sena li għaddiet, waqt il-pandemija, dawk li kienu fir-riskju tal-faqar komplew jonqsu.
Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar is-sena li għaddiet kienet inqas mir-rata ta’ dawk fir-riskju tal-faqar fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Skont l-NSO, dawk f’riskju ta’ faqar fl-2021 kienu ftit iżjed minn 20 fil-mija, waqt li fl-2019 dawk fir-riskju tal-faqar kienu kważi 21 fil-mija.
Minn din l-istastika ħareġ li s-sena li għaddiet kien hemm inqas nies li jinsabu f’riskju ta’ faqar f’kull kategorja ta’ età, meta mqabbel mal-2019.
Dawk li għandhom taħt it-tmintax-il sena u qegħdin f’riskju tal-faqar naqsu b’0.7 fil-mija, dawk ta’ bejn it-tmintax u l-erbgħa u sittin sena naqsu b’0.2 fil-mija, waqt li l-pensjonanti naqsu bi kważi punt ta’ perċentaġġ.
Iċ-ċifri għas-sena li għaddiet juru differenza kbira mis-sitwazzjoni kif kienet fl-2013. Il-persentaġġ tan-nies f’deprivazzjoni materjali fl-2013 kien 20 fil-mija, mentri llum huwa inqas minn disgħa fil-mija.
Dan filwaqt li r-rata ta’ dawk f’deprivazzjoni materjali severa fl-2013 kienet ta’ 10.3 fil-mija, waqt li skont din l-istatistika din niżlet b’inqas minn erbgħa fil-mija.
ONE News tkellem mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musu, li qal li dawn iċ-ċifri laħqu ċerta stabbilità.
“Turi illi hemm ċertu stabbilità issa, jiġifieri mill-2017 ’l hawn l-indikaturi qed juru li hemm ċerta stabbilita f’dak li huwa riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Pero, juru wkoll li meta mqabbel mal-2013, jiġifieri meta qed nitkellmu fuq għaxar snin ilu, hemmhekk hemm tnaqqis, pereżempju dak li huwa riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali llum qed nitkellmu madwar 20 fil-mija, għaxar snin ilu konna nitkellmu fuq kważi 25% fil-mija.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musu.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu qal li dan qed iseħħ grazzi għall-miżuri tal-Gvern li inċentivaw in-nies jaħdmu u anki miżuri oħrajn.
“Imbagħad naturalment kellek l-iskemi tat-tapering u l-in-work benefit li għenu biex eluf ta’ nies illum il-ġurnata m’għadhomx fuq il-benefiċċju soċjali u daħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musu