Transparency International ħarġet ir-rapport annwali tagħha dwar il-perċezzjoni ta’ korruzzjoni u fih Malta rreġistrat żieda fil-perċezzjoni ta’ korruzzjoni. Fil-fatt Malta kisbet 55 punt meta s-sena ta’ qabel kellha 56 punt u għalhekk klassifikat fis-47 post minn 176 pajjiż.
Ir-rapport huwa bbażat fuq is-sena 2016 meta f’pajjiżna ddominaw numru ta’ każi fejn politiċi ewlenin kienu involuti fi stejjer li qajmu mistoqsijiet kbar u waslu għal investigazzjonijiet. Investigazzjonijiet li tmexxew kemm minn awtoritajiet u anke minn Pulizija.
Fost oħrajn kien hemm il-każ ta’ Falcon Funds, li tiegħu l-eks Ministru Tonio Fenech hu direttur u li spiċċa investigat mill-Pulizija Żvediża.
Filwaqt li kien is-sena li għaddiet ukoll li ħareġ il-każ fejn Beppe Fenech Adamii kien qed jaġixxi ta’ fiduċjarju ta’ Capital One kumpanija investigata f’każi kbar ta’ ħasil ta’ flus. Dan kien qed jagħmlu permezz ta’ Baltimore Fiduciary li tagħha hu direttur.
Filwaqt li fi tmiem is-sena mbagħad faqqa’ l-każ tal-art tal-Lowenbrau fejn involut fil-kontroversja hemm eks Ministru ieħor, din id-darba Jason Azzopardi.
Jirriżulta li dawn il-każi u l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista li tgħajjar il-gvern korrott il-ħin kollu jidher li kellhom effett fuq dan l-indiċi dwar sena fejn kienu żvelati ukoll il-Panama Papers. L-2016 kienet ukoll sena li fiha l-Partit Nazzjonalista organizza numru ta’ protesti kontra l-korruzzjoni anke jekk sal-lum għad ma kienx hemm każ wieħed provat u numru ta’ persuni fil-mira ta’ din il-kampanja fetħu kawżi l-Qorti jiddefendu isimhom.