Valanga fuq awtostrada fin-naħa t’isfel tal-Brażil ħalliet mill-inqas żewġ persuni mejta u għexieren oħra rrappurtati nieqsa.
L-awtoritajiet qalu li waqa’ ammont konsiderevoli ta’ tajn f’daqqa fuq awtostrada fl-istat ta’ Parana, bil-konsegwenza li ntlaqtu minn tal-inqas sittax-il vettura.
Ħaddiema tas-salvataġġ fuq il-post qalu li t-temp ħażin u l-post remot fejn seħħ il-każ, qed jagħmluha diffiċli biex jinstabu n-nies mitlufa, li jgħoddu għal bejn tletin u ħamsin.
Filmati mill-ajru juru l-ħsarat kbar li ħalliet din il-valanga, li ġarret magħha parti sħiħa mill-awtostrada u l-vetturi li kienu fuqha.
It-tbassir tat-temp għall-jiem li ġejjin f’diversi stati fil-Brażil qed iġib miegħu tħassib dwar aktar valangi, bi twissijiet dwar xita qliel imbassra fis-sigħat li ġejjin.