Aktar minn mitt Membru Parlamentari Ewropew u numru kbir ta’ Membri Parlamentari minn pajjiżi differenti wrew is-sapport u l-approvazzjoni tagħhom għad-deċiżjoni tal-gvern Malti li jippreżenta emenda għall-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna.
Dan qed isir sabiex jiġu protetti l-omm u l-professjonisti mediċi f’każ ta’ kumplikazzjoni serja fit-tqala li tpoġġi f’riskju gravi ħajjet jew saħħet il-mara. Fl-istess waqt, din l-emenda se żżomm l-abort illegali f’pajjiżna.
Id-deputat Ewropew Malti Cyrus Engerer ħabbar dan fil-paġna tiegħu fuq Facebook. Huwa spjega li din l-inizjattiva inkludiet firmatarji minn Membri Parlamentari Ewropej mill-Gruppi tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, tal-Ħodor, tax-Xellug, u tar-Renew Europe.
Fil-fatt, f’għaxar sigħat biss kienu 107 l-membri parlamentari li esprimew l-appoġġ tagħhom għal din l-emenda, li se tagħti serħan il-moħħ legali f’każijiet gravi meta jkollhom jitwettqu interventi mediċi fl-aħjar interess tat-tarbija u tal-omm. Flimkien magħhom kien hemm 55 Membri Parlamentari, senaturi u Lords minn 15-il parlament differenti madwar l-Ewropa.
Cyrus Engerer irrimarka li dan l-appoġġ b’saħħtu favur dan l-iżvilupp f’Malta wasal wara ittra minn tliet membri parlamentari konservattivi fir-Renju Unit u oħrajn fil-House of Lords.