Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg għamel żjara ta’ korteżija lis-Segretarju Eżekuttiv u l-ħaddiema tal-Istitut Internazzjonali tal-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt li huwa bbażat f’pajjiżna.
F’laqgħa mas-Segretarju Eżekuttiv il-ġdid Steven Hill, il-Ministru Ian Borg tkellem dwar il-kollaborazzjoni li l-Gvern Malti jixtieq li jkollu ma’ dan l-Istitut anke bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ oqsma li huma ta’ interess għaż-żewġ partijiet. Hawnhekk, il-Ministru Borg fakkar ix-xogħol importanti li l-Gvern Malti ilu jagħmel għal dawn l-aħħar tliet snin, b’mod partikolari fejn jidħlu r-riformi kostituzzjonali u dawk fis-settur tal-ġustizzja.
Is-Segretarju Eżekuttiv Steven Hill irringrazzja lill-Ministru Borg għal din iż-żjara u sostna li huwa unur għall-Istitut li għall-ewwel darba ministru għall-affarijiet barranin kellu l-opportunità jara mill-qrib ix-xogħol li qed isir. Huwa sostna li jħares ‘il quddiem għall-ħidma li se tkun qed issir fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.