L-ispazju m’huwiex biss dak li nħarsu lejh fis-smewwiet meta jidlam iżda huwa r-riċerka u l-istudju ta’ dak kollu li nsibu madwarna. Ħafna minna ma nifhmux it-teknikalitajiet assoċjati ma’ dan il-qasam, però l-ispazju jolqot b’xi mod jew ieħor lil kull wieħed u waħda minna.
Isem Malta mess mal-ispazju darbtejn, meta ttellgħu fl-ispazju biċċiet tal-ġilda minn saqajn ta’ Maltin li għandhom id-dijabete. Dan sar biex jiġi studjat il-mod kif il-batterji jaġixxu għall-ambjent aħrax li hemm fl-ispazju; ambjent ferm differenti minn dak li nsibu fil-laboratorji fid-dinja.
Iltqajna’ mal-Professur Joseph Borg, li spjega li dan huwa biss il-bidu, għax l-ispazju jista’ jwassal għal firxa usa’ ta’ esperimenti mediċi oħra.
Qal, “Aħna, sena ilu, intbagħtet l-ewwel missjoni minn Malta ġewwa abbord l-istazzjon spazjali, proġett Maleth 1, u din tirrigwarda riċerka fuq dijabete type 2, speċjalment fuq l-uġigħ tas-saqajn. Inti għandek mikrobi li jinfettaw il-ġrieħi ta’ dawn in-nies. Ħafna drabi l-mediċini mhux biżżejjed biex jitfejqu u jgħaddu minn kirurġija biex jitneħħew partijiet mis-swaba’ jew partijiet mis-sieq u dan l-esperiment, l-użu tal-ispazju huwa waħda mill-għodda li nużaw. Aħna għandna ħafna riċerka għaddejja fl-Università u fl-isptar u, permezz tal-ispazju, qegħdin nużaw ammont ta’ laboratorji li mhux possibli nużawhom lokalment.”
Tkellimna wkoll mad-Direttur Eżekuttiv tal-kumpanija Arkafort, Gordon Grech. L-Arkafort hija kumpanija tat-teknoloġija tal-informazzjoni li toffri diversi servizzi fejn jidħlu l-internet u t-telekomunikazzjoni li forsi n-nies ma jarawx u ma jistgħux imissu bi jdejhom. Però, is-servizzi tagħhom jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Gordon Grech irrimarka li qed isir żvilupp kbir fejn tidħol it-teknoloġija fl-industrija tal-ispazju, u fl-Arkafort jaraw kif jistgħu jiiffaċilitaw l-aċċess proprju għar-riċerka fl-ispazju. Huwa qal li l-Arkafort dejjem tagħti l-kontribut tagħha għal riċerka li għandha potenzjal tagħmel differenza u dan ma jkunx possibli mingħajr l-aċċessibilità tal-ispazju.
Qal, “Arkafort ilha mwaqqfa numru ta’ snin u dejjem rajna kif nistgħu nagħtu kontribut lejn riċerka, lejn proġetti li huma interessanti u dawn l-affarijiet kollha. Ovvjament, dejjem rajna l-potenzjal li din tista’ tiżviluppa f’xi ħaġa iktar fit-tul. Aħna bħala kumpanija focused fuq B2B, però naħdmu ħafna fuq telefonija, komunikazzjoni… għandna data centre hawnhekk fejn inkunu qegħdin inżommu ċerta informazzjoni ta’ ċerti klijenti, nipproċessaw l-informazzjoni; jiġifieri forsi x-xogħol li nkunu qed nagħmlu aħna ma jkunx qiegħed daqshekk jidher, però n-nies hemm barra u l-klijenti tagħna jkunu qed imissu miegħu u jagħmlu użu minnu kuljum.”
Dan l-aħħar, Gordon Grech kien parti minn delegazzjoni Maltija, immexxija mis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, li huwa responsabbli mill-Politika Spazjali ta’ Malta, waqt diskussjonijiet li saru fl-Istati Uniti.
Id-diskussjonijiet, ma’ SpaceX, kumpanija ewlenija tat-titjiriet spazjali li kisbet sensiela ta’ suċċessi, saru bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Liġi Maltija dwar l-Ispazju, li se tiġi ppublikata s-sena d-dieħla.