Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali ħabbar li bħalissa jinsab fi proċess avvanzat biex jagħmel l-akkwist tal-ewwel grupp ta’ proprjetajiet privati li bħalissa huma mikrija jew użati minn każini tal-banda li jinsabu taħt theddida ta’ żgumbrament.
Dawn il-proprjetajiet se jkunu qed jaqgħu taħt il-kappa tal-Kunsill Malti għall-Arti, li se jwaqqaf taqsima li tassigura li l-interessi tal-każini tal-banda, kif ukoll dawk tal-Gvern, ikunu salvagwardjati għas-snin li ġejjin. Din it-taqsima se tkun qed titmexxa mis-Sur James Pearsall, li għandu esperjenza vasta f’diversi rwoli matul is-snin.
Fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li se jkunu qed jiġu osservati l-kundizzjonijiet kif miftiehma fil-kuntratti ta’ xiri u fil-kuntratti back-to-back mal-każini tal-banda. Din l-inizjattiva ttieħdet biex jibqgħu appoġġjati l-każini tal-banda biex jissalvagwardjaw il-kultura fil-komunitajiet ta’ pajjiżna.
L-għan ta’ din it-taqsima se tkun ukoll li toħloq pjattaforma għal aktar djalogu bejn il-każini tal-banda inkwistjoni u stakeholders differenti.