Waqt żjara fl-iskola primarja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, nediet il-ktieb ‘Int Tista’ u Taf Tpinġi’.
Din iż-żjara saret fil-kuntest tas-sittax-il jum ta’ attiviżmu biex in-nies jiġu sensibilizzati aktar dwar il-vjolenza domestika, li din is-sena għandhom it-tema ‘Il-Vjolenza Domestika Hi Affari Ta’ Kulħadd’.
Flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u s-Segretarju Permanenti Matthew Vella, Dr Lydia Abela żaret numru ta’ klassijiet u segwiet b’attenzjoni lezzjoni marbuta mat-temi tal-imħabba u r-rispett.
Dr Abela aċċennat fuq il-ħtieġa tal-edukazzjoni bħala għodda importanti biex ikomplu jitrawmu valuri importanti fost it-tfal u l-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Dr Abela fissret kif il-ktieb ‘Int Tista’ u Taf Tpinġi’, li se jkun qed jitqassam fl-iskejjel primarji kollha, huwa mmirat għal tfal ta’ età żgħira u jiffoka fuq il-ħbiberija u r-rispett lejn dawk kollha ta’ madwarna. Iċ-ċkejknin se jkollhom l-opportunità li jesprimu lilhom infushom bl-arti u l-ħiliet kreattivi tagħhom. Mart il-Prim Ministru saħqet biex it-tfal li jkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli m’għandhom jiddejqu qatt jitolbu l-għajnuna.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni u tal-qari biex kull student ikollu edukazzjoni sħiħa li twasslu biex ikun ċittadin responsabbli. Huwa semma li, permezz ta’ kotba bħal dan, u oħrajn permezz tal-arti u t-tpinġija, it-tfal qed jingħataw l-għodda sabiex jifhmu aktar kemm huwa importanti li jħobbu lilhom infushom u jirrispettaw lil dawk ta’ madwarhom.