Il-Membru Ewro-Parlamentari Maltija Miriam Dalli ġiet konfermata bħala l-koordinatur għal Kumitat tal-Ambjent, Saħħa Pubblika u Sigurtà tal-Ikel fil-Parlament Ewropew, f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi.
Il-kumitat, li jinkludi 69 membru, hu l-Kumitat leġiżlattiv ewlieni tal-Parlament Ewropew. Hu jittratta leġiżlazzjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi, informazzjoni għall-konsumaturi dwar l-ikel ikkonsmat, u jipproponi soluzzjonijiet Ewropej għal kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika.
Dr Dalli qalet li l-għan tagħha hu li l-interessi taċ-ċittadini jkunu fil-qalba ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-membri tal-grupp politiku tagħha f’dan il-kumitat.
“Is-Soċjalisti u d-Demokratiċi se jkomplu jġibu l-ambjent u d-drittijiet taċ-ċittadini fuq quddiem nett tad-deċiżjonijiet li nieħdu. Aħna rridu nkunu forza progressiva li twassal għal dinja aħjar għat-tfal tagħna. Se nkunu l-grupp politiku li se jiddefendi s-saħħa taċ-ċittadini tagħna,” enfasizzat Miriam Dalli.
Il-Kumitat tal-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà tal-Ikel fil-Parlament Ewropew hu responsabbli għal diversi oqsma, fosthom it-tniġġiż tal-arja u tal-ilma, l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali għal Ewropa sostenibbli. Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hi wkoll fil-qalba tal-ħidma ta’ dan il-kumitat.
Bħala l-kelliema ewlenija fuq l-Ambjent, Saħħa Pubblika u s-Sigurtà tal-Ikel, Miriam Dalli se tkun qed tikkordina l-pożizzjoni tal-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq numru ta’ leġislazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan il-kumitat.