Il-maltemp li ħakem il-gżejjer maltin fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ikkawża ħsarat kbar lill-bosta pitches tal-waterpolo fin-naħat ta’ San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema u San Ġiljan. Il-maltemp ħakem bl-ikrah il-kosta ta’ dawk l-inħawi bil-konsegwenza li l-mewġ qawwi ħalla ħerba sħiħa.
Milquta l-pitches ta’ Sirens f’San Pawl il-Baħar, dak ta’ San Ġiljan flimkien mal-pitch tan-Neptunes u ta’ Sliema (ritratt fuq).
Kawża ta’ hekk il-faċilitajiet jinsabu magħluqa għall-membri sakemm isir it-tindif meħtieġ u jitneħħa kull periklu. F’ċertu pitches il-ħsarat huma konsiderevoli.
Din mhiex l-ewwel darba li pitches tal-waterpolo sofrew ħsarat kawża tal-maltemp. F’kumment fuq il-paġna tagħhom ta’ facebook, il-klabb ta’ San Ġiljan qal li wasal iż-żmien li jkollhom facilitajiet aktar organiżżati u li jkunu jifilħu għal dan it-tip ta’ temp.