Fl-aħħar xhur, il-Gvern ħa deċiżjonijiet strateġiċi li permezz tagħhom qed jgħin lin-nies u wassal għal riżultati importanti, fosthom dak tal-irkupru ekonomiku.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, waqt il-programm XTRA fuq l-istazzjon nazzjonali, li fih sostna li din il-politika qed twassal għal riżultati pożittivi fl-ekonomija. Dawn ir-riżultati ġew imfaħħrin kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll minn aġenziji internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu .
Il-Prim Ministru qal li, bil-politika tiegħu, il-Gvern injetta fl-ekonomija ta’ pajjiżna €1.1 biljun, biex il-familji u n-negozji jkollhom prezzijiet tal-enerġija stabbli.
“Nemmen li kienet l-iktar kruċjali biex stajna naraw l-irkupru ekonomiku b’saħħtu li kellna, stajna naraw it-tkabbir ekonomiku li kellna. Kienet kruċjali wkoll biex rażżanna kemm jista’ jkun l-inflazzjoni. Issa, immaġina kieku morna fid-direzzjoni li forsi qed tissuġġerixxi inti, li xħitna parti mill-piż fuq il-komunità. X’kien ikollna? Kien ikollok inflazzjoni li se tispara ’l fuq. Li kieku għollejna, aħna, il-kontijiet tal-enerġija u tfajnihom fuq l-industrija u fuq il-households, kien se jkollna sitwazzjoni ta’ inflazzjoni li toħroġlok out of control, kif qed jiġri madwar l-Ewropa kollha.”
Il-Prim Ministru sostna li l-politika qiegħda hemm biex, kemm jista’ jkun, tiġi mtejba l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Qal li l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern hija sostenibbli iżda spjega li l-Gvern qed jaħdem fuq il-qalba fil-qasam tal-enerġija, pereżempju b’żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u li tħammeġ inqas.
Qal li l-proġett tat-tieni interconnector jibqa’ wkoll importanti għax jekk pajjiżna qed jipprospetta żieda fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli, jista’ jbigħ ukoll l-enerġija li jipproduċi lejn il-grilja tal-enerġija Ewropea permezz tat-tieni interconnector.
“Jekk aħna se jirnexxielna nimmaterjalizzaw il-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u jagħtuna ġenerazzjoni ta’ elettriku aktar milli l-pajjiż għandu bżonn, nistgħu nesportaw direttament lejn il-grid Ewropew u l-interconnectors, kemm l-ewwel u anki t-tieni wieħed, huma ddisinjati b’mod illi tista’ kemm timporta, jiġifieri tixtri l-elettriku, u kif ukoll tesporta.”
Dr Abela semma wkoll il-proġett tal-pipeline tal-gass li minnu eventwalment jgħaddi l-idroġenu, gass iżjed nadif mil-LNG.
Mistoqsi minn Saviour Balzan dwar il-legat li jixtieq iħalli, il-Prim Ministru warrab għal kollox is-suċċessi personali tiegħu u spjega kif huwa qed jjiffoka fuq it-twettiq ta’ dak kollu li ġie mwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.