Fiċ-Ċina għaddejjin protesti kbar kontra l-politika tal-gvern Ċiniż rigward il-Covid-19.
Dawn bdew nhar il-Ġimgħa wara li nirien ħakkmu kumpless tal-appartamenti li qattlu għaxar persuni, liema mwiet qed jintqal li setgħu kienu evitati mingħajr il-politika tal-gvern dwar il-Covid-19.
Għalkemm il-protesti huma ffukati fuq restrizzjonijiet qawwijin li għadhom fis-seħħ fiċ-Ċina, il-pubbliku qed isemma’ leħnu wkoll dwar it-tmexxija tal-President Ċiniż Xi Jinping u l-partit tiegħu.
Il-protesti qed isiru f’numru ta’ bliet u universitajiet madwar iċ-Ċina, iżda l-gvern Ċiniż mhux jirrikonoxxi li dawn il-protesti qed iseħħu.
Dawn il-protesti qed jiġu kkumparati mal-protesti favur id-demokrazija fiċ-Ċina fl-elf disgħa mija disgħa u tmenin, u bħalissa qed jinstemgħu diversi stejjer ta’ użu ta’ forza eċċessiva kontra l-protesti.