Bdew jiffunzjonaw u jħallu marka pożittiva fil-ħajja tat-tfal diversi riformi li ġabet magħha l-introduzzjoni tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal sentejn ilu.
Ħafna minn dawn ir-riformi jduru mal-kunċett ta’ aktar stabbiltà, permanenza, u serħan il-moħħ fit-tul lil tfal li, għal xi raġuni, ikunu nqalgħu mill-familja bijoloġika tagħhom. Huwa fatt li s-sens ta’ familja hija fattur kruċjali ħafna fil-formazzjoni bikrija ta’ kull tifel u tifla.
S’issa, bid-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-bidlet legali, kwart tat-tfal kollha li qegħdin f’kura alternattiva ngħataw permanenza.
F’dan il-qasam, tiswa mitqilha deheb il-ħidma tal-professjonisti sabiex jiggarantxxu l-aqwa trobbija u riżorsi lil kull tifel u tifla. Id-Direttorat tal-Kura Alternattiva fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (l-FSWS), flimkien mal-Kummissarju tat-Tfal, jaħdmu kontinwament f’sinerġija sabiex jgħinu tfal bħal dawn jikbru fl-aqwa għożża possibbli.
Ħafna drabi t-tfal ikunu għaddew minn trawma meta jkollhom jinqalgħu mid-dar, speċjalment meta jkunu jafu li ma jkunx hemm il-possibilità li jingħaqdu lura mal-familji bioloġiċi tagħhom. Qabel il-bidliet fil-liġi kienet teżisti sitwazzjoni fejn, kull 6 xhur, it-tfal ma kinux ikunu jafu xi jkun se jiġri minnhom. Illum, iżda, qed joħorġu digrieti mill-Qorti sabiex tingħata assigurazzjoni lill-minorenni li sa 18-il sena jibqgħu jgħixu f’ambjent stabbli mal-foster carers jew f’xi residenza tat-tfal.
Id-Direttur tad-Direttorat għall-Kura Alternattiva, Remenda Grech, qalet li f’dawn l-ewwel sentejn diġà kien hemm 128 każ ta’ tfal li gawdew minn din l-istabbiltà li qabel ma kinitx teżisti. Irreferiet għall-fatt li l-foster carers infushom qed jitkellmu dwar id-differenza kbira li dan it-tibdil fil-liġi għamel kemm għalihom kif ukoll għat-tfal li jieħdu ħsieb.
Din l-istabbilità, imbagħad, twassal għal imġiba aktar pożittiva. It-tfal jirrispondu tajjeb u jistrieħu psikoloġikament wara li jkunu neħħew il-biża’ u l-ansjetà li jkunu fiha.
Intant, din il-Liġi wasslet sabiex ikun hemm ukoll l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ tfal mal-familji bijoloġiċi tagħhom wara li l-professjonisti jkunu nnutaw fil-ġenituri bijoloġiċi progress li jagħmilha possibli li l-familja kollha terġa’ tgħix taħt l-istess saqaf. S’issa kien hemm 46 każ bħal dan.